Alfred Sant iħajjar lil Maltin iżuru Għawdex f'dan iż-żmien ta' festi

Alfred Sant iżur Bethlehem f'Għajnsielem 

Alfred Sant, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, ħajjar lill-Maltin biex jaqsmu lejn Għawdex f’dawn iż-żmenijiet ta’ festi biex igawdu l-attrazzjonijiet tal-Milied madwar il-gżira Għawdxija. Dr. Sant faħħar l-inizjattivi tal-gvern u tal-privat biex jippromwovu lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika f’dan iż-żmien tas-sena. ‘Il-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex għandhom jiġu imħarsa u jkunu gawduti minn eluf ta’ Maltin u turisti’, qal Dr. Sant waqt żjara li għamel lil Bethlehem f’Għajnsielem fir-raħal żgħir ta’ Għajnsielem. Dr. Sant żar dan il-presepju ħaj bis-sehem ta’ 150 voluntier li janimaw dan il-presepju ħaj. Bosta atturi, inkluż koppja żagħżugħa b’tarbija tat-twelid li kienu qed jirrappreżentaw lill-Madonna u lil San Ġużepp u lil Ġesu’ Bambin, resqu lejn Dr. Sant u rringrazzjawh tal-presenza  tiegħu fosthom u tal-appoġġ.

Dr. Sant faħħar l-entużjażmu u d-dedikazzjoni ta’ dawn l-atturi li, qal, huwa essenzjali għas-suċċess ta’ din is-seba’ edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem. Il-villaġġ tan-Nativita’ jinkludi ‘re-enactments’ tal-vjaġġ minn Nazareth lejn Bethlehem minn San Ġużepp u l-Madonna. Se jkun hemm ukoll il-wasla tat-Tliet Slaten Maġi fit-3 ta’ Jannar li jitilqu biż-żwiemel minn Malta biex jaqsmu bil-Gozo Channel għad-daħla trijonfali f’dan il-presepju enormi. Eluf ta’ Maltin u turisti mistennija jaqsmu minn Malta lejn Għawdex biex jammiraw il-ħila kreattiva ta’ mijiet ta’ Għawdxin li jtellgħu bosta presepji fi nħawi differenti tal-gżira.

More in G?awdex