9 Xhur ta’ periklu u kulħadd ifarfar

Santa Luċija bi protest ġudizzjarju kontra l-EneMalta • Il-Ministru Konrad Mizzi ma jweġibx email mibgħuta xahrejn ilu • Il-Ministru t'Għawdex jgħid li l-kwistjoni ma taqax taħtu

Il-ħofra tħalliet hemm għal dawn l-aħħar disa' xhur
Il-ħofra tħalliet hemm għal dawn l-aħħar disa' xhur

Periklu għat-tfal fit-trieq Bir Rix, Santa Luċija f’Għawdex qed jinkwieta ħafna lil ġenituri tat-tfal ta’ dan ir-raħal, iżda jidher li mhux wisq lill-awtoritajiet li suppost ineħħu dan il-periklu. Toqba enormi f’din it-triq ilha miftuħa beraħ minn Marzu li għaddha, bil-kunsill lokali ta’ Kerċem jgħid li x-xogol irid isir mill-EneMalta, l-Enemalta tgħid li mhux xogħlha, il-Ministru Konrad Mizzi lanqas jindenja ruħu jwieġeb, il-Ministeru ta’ Għawdex jgħid li l-każ ma jaqgħax taħtu u l-art tibqa miftuħa bil-periklu kollu li ġġib magħha għat-tfal tal-lokal u għar-residenti. Ir-residenti li tkellimna magħhom qalulna li xebgħu u ddejqu jilmentaw mal-kunsill lokali u anke mal-kumitat amministrattiv ta’ Santa Luċija, fejn dawn min-naħa tagħhom ilhom għaddejjin b’korrispondenza mal-EneMalta u ministeri minn Ġunju li għaddha. Tant li f’Lulju li għaddha fetħu protest ġudizzjarju kontra l-EneMalta.

Cables tal-elettriku, 20 pulzier biss taħt it-triq, li nkixfu meta sfrondat
Cables tal-elettriku, 20 pulzier biss taħt it-triq, li nkixfu meta sfrondat

L-istorja kollha bdiet f’Marzu ta’ din is-sena. Fi Triq Bir Rix hemm parti minn mini tal-akwedott mibnija minn żmien l-Ingliżi. Dawn il-mini ġarrbu ħsarat estensivi bit-traġitt ta’ trakkijiet kbar, is-soqfa ta’ dawn il-mini sfrondew u b’hekk inkixfu dawn il-mini. Il-fetħa li sfrondiet hi waħda estensiva u qed joħolqu periklu kontinwu. Il-kunsill lokali pprova li jsewwi din il-fetħa iżda nkixfet problema oħra. F’dawn il-mini inkixfet kommunikazzjoni tal-elettriku, fejn inkixfu żewġ cables tad-dawl li jinsabu biss 20 pulzier taħt il-livell ta’ wiċċ it-triq (ritratt) u dan skont il-kunsill lokali hu kontra r-regolamenti li jirregolaw l-installazzjoni tal-elettriku. Il-kunsill qed jitlob lill-EneMalta li l-imsemmija cables jiġu devjati biex ix-xogħlijiet jkunu jistgħu jsiru b’faċilita, iżda l-Enemalta ma ħaditx azzjoni u l-fetħa bil-perikli kollha baqgħet hemm għal dawn id-disa xhur sħaħ.

Il-kunsill lokali ta’ Kerċem kiteb lill Inġinier Mizzi tal-EneMalta dwar il-każ fit-3 ta’ Ġunju fejn għarrfuh li l-kumitat amministrattiv ta’ Santa Luċija ma kienx f’pożizzjoni li jkompli x-xogħol fuq din il-fetħa fit-triq u kien sta għall-Enemalta li tieħu ħsieb li x-xogħol isir b’mod urġenti minħabba l-periklu li kien hemm. L-Inġinier wieġeb ġimgħa wara li jekk il-kunsill lokali kien lest li jħaffer it-trinek, huma kienu lesti li iċaqalqu l-cables minn fuq l-akwedotti ħalli tkun tista’ tingħalaq it-trieq. Siegħa wara l-Kunsill lokali ta’ Kerċem wieġbuh li l-Kumitat Amministrattiv ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel dan ix-xogħol. U l-fetħa baqgħet fejn kienet, ħlief li l-Ministeru għal Għawdex għen biex titgħatta parti minnha, safejn seta.

Periklu li ilhom jaffaċjaw ir-residenti għal 9 xhur
Periklu li ilhom jaffaċjaw ir-residenti għal 9 xhur

F’Lulju sar protest ġudizzjarju fil-qorti kontra l-EneMalta, fejn l-Kunsill lokali żamm lill-EneMalta responsabbli għal kull inċident li jista jiġri b’dan il-periklu miftuħ fil-lokalita ta’ Santa Luċija.

Fit-28 ta’ Ottubru l-Kunsill kiteb lil Ministru Konrad Mizzi li hu responsabbli mill-EneMalta biex il-kwistjoni titranġa. Intbagħtulu ritratti tal-ħofra u ntalab biex jieħu azzjoni urġenti. Iżda sa xahrejn wara dawn ma rċevew l’ebda tweġiba.

Fl-10 ta’ Novembru permezz taċ-Chairperson tal-kumitat amministrattiv, Alfred Stellini kiteb lil Ministru għal Għawdex biex jitolbu jintervjeni fil-każ. Il-Ministru Refalo fil-fatt qalilhom li hu se jipprova jwassal l-ilment tagħhom, iżda l-każ ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħu, iżda taħt il-ministeru mmexxi minn Konrad Mizzi. L-Illum tkellem ukoll mal-Kap tas-CMU t’Għawdex, Anthony Debono li qalilna li huma ppruvaw jgħalqu kemm setgħu l-fetħa, iżda l-każ ma jaqax taħt il-ministeru għal Għawdex.

Ħaddiema tal-Ministeru ppruvaw iraqqgħu l-ħsara
Ħaddiema tal-Ministeru ppruvaw iraqqgħu l-ħsara

Sadattant il-periklu wara disa xhur għadu hemm, fejn ir-residenti u l-ġenituri huma nkwetati u l-amministrazzjoni għadha tiġġieled min suppost jagħlaq il-ħofra u min suppost jiftaħ it-trinek biex jiġu mċaqalqa l-cables tal-elettriku. F’kelma waħda wieħed ifarfar fuq l-ieħor bil-periklu dejjem jikber għar-residenti ta’ Santa Luċija.

More in G?awdex