Il-familja tal-viċi sindku ta' Għajnsielem tinbidel fis-'sacra famigla'

Jinfetaħ Bethlehem f'Għajnsielem fejn Kevin Cauchi l-viċi sindku t'Għajnsileem ħa l-parti tal-ewwel San Ġużepp u ibnu l-ewwel bambin

Kevin cauchi l-viċi sindku t'Għajnsielem ħa l-parti ta' San Ġużepp bil-wild tiegħu Julian ikun l-ewwel bambin fil-grotta b'martu Stellies tkun l-ewwel Marija. Insomma l-familja tal-viċi sindku tinbidel għal ftit żmien għas-'sacra famigla'.

Is-seba’ edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem kienet inawgurata mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. Din l-esperjenza unika tfakkar il-grajja tat-twelid ta' Gesu' Bambin ftit aktar minn elfejn sena ilu.

 Il-Kumitat Organizzattiv magħmul mill-Kunsill Lokali ta' Ghajnsielem, l-Ministeru ta' Għawdex, il-Parroċċa Madonna ta' Loretu u l-għaqdiet mhux governattivi ta' Għajnsielem ilu għal dawn l-aħħar xhur jiltaqa' u jipprepara għal dan l-avveniment li ta' kull sena jiġbed eluf ta' persuni.  Dan il-Kumitat ħadem id f'id mal-Kumitat Milied f'Għawdex li twaqqaf mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo biex jikkordina u joħloq attivitajiet madwar Għawdex kollu tul iz-zmien tal-Milied.

Il-Ministru Refalo  sostna li Betlehem f’Għajnsielem daħal sew fil-kalendarju tal-Milied u qed jattira turisti lokali kif ukoll barranin lejn pajjizna. Qed ikun ta’ reklam  barra minn xtutna. Din l-attivita kompliet tikber  minn sena għal oħra u dejjem toffri attrazzjonijiet ġodda kull sena.

Il-Ministru ħabbar li attrazzjoni ġdida għal din s-sena ser tkun attrazzjoni interessanti u avventuruza. Viżitaturi ser ikunu jistgħu jaqsmu pont tal-ħabel twil aktar minn 30 metru. Dan jikkumplimenta sewwa s- suċċess li għamlet ix-xmara s- sena l-oħra, liema attrazzjoni ser terġa ssir, ukoll. Għal sena oħra, l-lukanda ser toffri esperjenza unika għal min jixtieq jgħix il-ħajja ta’ elfejn sena ilu.  Izda ċertament li l-qofol tibqa’ l-grotta ta’ Ġesu Bambin.

F'dan il-presepju ħaj jieħdu sehem aktar minn 150 attur. Bethlehem f’Għajnsielem ikun animat kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u festi pubblici bil-qofol tiegħu jkun nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar bil-miġja tas-Slaten Magi. 

More in G?awdex