Ix-Xagħra: raħal il-Milied...raħal il-presepju

  • Presepju Suq u Mexxi fix-Xagħra: Kunċett ġdid kif tista’ tgħix il-presepju bil-karozza tiegħek

Ħaġa tal-iskantament hu l-fatt li r-raħal tax-Xagħra jinbidel fi presepju għal-żmien il-Milied. Fejn kważi r-raħal kollu jaħdem għal dan il-għan u jieħu sehem biex joħloq presepji ħajjin, presepji artistiċi, grotti u bambini għat-tfal u anke tours tal-presepji mal-lejl. Wieħed irid jifhem ukoll li r-raħal tax-Xagħra hu wieħed estiż ħafna u hu maqsum fi tliet partijiet: in-naħa tan-Nazzarenu, iċ-ċentru li hu magħruf bħala l-pjazza u n-naħa ta’ San Anton.

Dan u ħafna iżjed sirt nafu meta ltqajt ma’ erba’ persuni li huma involuti biex jibdlu dan ir-raħal fi presepju ħaj għal żmien il-Milied. Iltqajt mal-Arċipriet tal-Bażilika ta' Marija Bambina - Dun Karm Refalo li taħt il-kappa tiegħu timxi l-organizazzjoni ta’ raħal sħiħ fi żmien Natalizju, ma’ Victor Agius li ħdax-il sena ilu flimkien ma' Xagħrin oħra waqqaf l-Għaqda 'Il-Milied fix-Xagħra', ma’ Sephora Galea, spiżjara żagħżugħa ta’ 25 sena li tifforma parti mill-għaqda ‘theGuidingLight’ li dis-sena qed jagħtuna kunċett ġdid ta’ presepju ħaj ‘Suq u Mexxi’ u ma’ Ġanni Attard is-sagristan u soċju tal-MUSEUM li hu wieħed mill-protagonisti fil-presepju mekkanizzat fil-mużew tax-Xagħra sa mill-1969.

Ikolli nammetti li l-entużjasmu ta’ dawn in-nies, ħassejtu jittieħed. Nies li ma jinteressahomx li jissemmew huma jew li jidhru huma, iżda li jwasslu l-kburija u l-passjoni għall-arti u l-kultura presepistika ta’ poplu sħiħ li jingħaqad bħala team wieħed li joffri spettaklu uniku f’raħal sħiħ. Fil-fatt ix-Xagħra kollha tingħaqad taħt kappa waħda, ‘Ix-Xagħra raħal il-Milied, raħal il-Presepju’ fejn huma l-eluf it-turisti, Maltin u barranin, li jżuru dan ir-raħal fiż-żmien il-Milied. L-ILLUM rat ftit x’qed jinħema f’dan ir-raħal għal dan iż-żmien speċjali għalihom, li wara l-festa tal-Bambina, il-festi natalizji huma prijorità.

Presepju Suq u Mexxi

Il-grupp żagħżugħ ‘theGuidingLight ilu għal dawn l-aħħar 15-il sena jorganizza l-presepju ħaj f’Għawdex, li kien minn tal-ewwel tat-tip tiegħu fil-gżejjer. Beda jsir f’razzett f'Diċembru tas-sena 2000 fuq stil Lhudi fejn anke l-ilbies tal-persunaġġi kien magħmul min-newl. Iżda din is-sena dan il-presepju se joħroġ mir-razzett għall-ewwel darba u se jmur Triq Għajn Ħosna, wied pittoresk li mix-Xagħra jwasslek fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra. L-idea oriġinali ġiet mill-Amerika bil-kunċett ta' presepju ħaj interattiv, li fih jieħdu sehem madwar 100 personaġġ żagħżugħ mix-Xagħra. Wieħed jesperjenzah mill-karozza fejn litteralment isuq qalb il-presepju u persunaġġi li jiġu jkellmuk dwar dak li jkun qed jiġri, jew aħjar dak li ġara 2,000 sena ilu. L-iskript inkiteb minn saċerdot żagħżugħ Xagħri Dun Joseph Bajada, li hu l-istess persuna li ħajjarhom biex il-presepju ħaj, jingħata kunċett differenti tip ta'  Drive Thru  Nativity. Il-dawra bil-karozza teħodlok madwar 10 minuti u se jsir fuq jumejn, is-Sibt 26 u l-Ħadd 27 ta’ Diċembru bejn il-5 u d-9 pm. Dan ifisser li f’dawn il-jumejn ikun jista’ jilqa mal-240 karozza żgħira. Għalhekk, wieħed se jkun jista’ jgawdi din l-esperjenza unika fuq bażi ta’ first come first served,għalkemm ikun tajjeb kieku gruppi jiftiehmu flimkien u jirkbu karozza waħda, bis-sistema ta’ ‘pooling’. Wieħed ikun jista’ jidħol bil-karozza mir-raħal tan-Nadur, mit-triq li tagħti għar-Ramla magħrufa ta' Għajn Qasab.

Ġanni s-Sagristan u l-presepju tal-MUSEUM

Tkellimt ma’ Ġanni Attard magħruf bħala Ġanni s-sagristan, li hu soċju tal-Mużew li kien involut fl-ewwel presepju tal-Mużew mekkanizzat fix-Xagħra flimkien mas-soċju Joe Borg li kien bravu fl-inġinerija, u s-soċji l-oħra Joe Sultana u Joe Theuma. Għalkemm hu dokumentat li fl-1908 fix-Xagħra kien hemm diġà presepju ‘mekkanizzat’ fl-inħawi ta' Ġnien Xibla, il-presepju tal-Mużew kien innovattiv għall-aħħar fis-snin sittin bil-pasturi jimxu minn post għall-ieħor u mhux biss jiċċaqilqu. Dan il-presepju serva ta' ispirazzjoni għal numru kbir ta' presepisti Għawdxin u Maltin.

Ġanni Attard qalilna li dan il-presepju wara li kien jarmah d-dar tiegħu, fl-1969 beda jarmah fil-Mużew mas-soċji sħabu u ħadu sehem bih f’kompetizzjoni mtella’ mill-Malta Tourist Board u kienu rebħu din il-kompetizzjoni. Baqgħu jirbħu l-kompetizzjoni għal xi snin oħra fejn l-MTB kienet iddeċidiet li Għawdex u Malta jinqasmu f’żewġ kompetizzjonijiet għax hekk, ħadd ma seta’ jirbaħ lill-presepju ta’ Ġanni u l-ħbieb tiegħu ix-Xagħrin. Dan il-presepju hu magħmul forma ta’ storja rakkuntata mill-vanġelu, bil-mużika u effetti tad-dawl sinkronizzati mal-movimenti kollha tal-pasturi li jibdew miċ-ċensimet b'San Ġużepp ifittex kenn mal-lejl, it-twelid u l-glorja tal-anġli, it-tħabbira lir-rgħajja u l-adorazzjoni tagħhom kif ukoll bil-vjaġġ twil tal-maġi, bil-kewkba li tmexxihom sal-għar qaddis ta' Betlem. L-Istorja tieħu 13-il minuta biex issegwiha u jkun għall-wiri fis-sala tal-MUSEUM.

Iżda Ġanni barra li jaħdem il-pasturi u l-istess bini għal dan il-presepju, jagħmel ukoll madwar 90 bambin li jitqassmu lit-tfal li jattendu l-Mużew  għal żmien il-Milied fix-Xagħra u anke jgħin u jgħallem biex it-tfal tal-mużew jagħmlu l-grotti tradizzjonali.

Interessanti l-fatt li Ġanni joħloq edizzjoni ta' bambin ġdid kull sena.

27 presepju artistiku kbir għall-wiri, kollha fix-Xagħra

Fix-Xagħra, hemm 27 presepju artistiku mxerred ma’ kull rokna tar-raħal. Fil-MUSEUM, barra l-presepju mekkanizzat hemm Presepju Naplitan, żewġ presepji bibliċi, presepju modern u ieħor lifesize bil-pasturi tal-kartapesta xogħol ta’ Ġanni Attard u żewġ wirjiet, waħda ta’ silhouettes tan-Natività ta' Marvic Muscat u wirja ta’ grotti magħmula mit-tfal.

Fil-Bażilika tax-Xagħra, hemm ħames presepji minn tim ta’ diversi presepisti u artisti fejn l-istil u l-materjal użat ta’ dawn il-presepji jvarjaw minn dak tradizzjonali u bibliku b'xenarju skolpit u mmudellat fit-tafal għal xogħol modern u kontemporanju. Presepju ieħor interessanti, flimkien ma’ wirja ta' skultura u pittura antika u moderna tan-Natività jinsabu għall-wiri fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet.

Barra dawn il-presepji u numru imdaqqas ta' oħrajn għall-wiri minn djar privati, il-komunità ta’ San Anton Abbati għal dawn l-aħħar 5 snin ħolqu xena tan-Natività qrib il-knisja ta’ San Anton fl-inħawi tal-Qaċċa fejn taħt id-direzzjoni tal-kanonku Dun Ġwann Sultana se jippreżentaw edizzjoni oħra tal-presepju ħaj.

Xagħra Cribs by night

L-Għaqda 'Il-Milied fix-Xagħra' qed toffri opportunità unika biex wieħed ikun jista’ jżur is-27 presepju għall-wiri li jinsabu fix-Xagħra. Dan it-tour isir bil-minibus is-Sibt 26 ta’ Diċembru akkumpanjat minn gwida b’kummentarju bl-Ingliż u Malti. Ikun hemm waqfa għall-kafè tradizzjonali, tat-taċċi, bil-biskuttini tipiċi msejħa tar-raħal. Il-minibus titlaq mit-3 pm mill-port tal-Imġarr għall-Maltin u twassalhom lura biex jaqbdu l-vapur tal-8.45 pm. L-Għawdxin interessati jinġabru minn fejn il-mitħna ta’ Kola. Għal din il-ġita tintalab kontribuzzjoni ta’ €5 biex tkopri t-trasport, il-gwida u l-kafè. Min jixtieq jagħmel parti minn din il-ġita kulturali jista’ jċempel fuq 79205316 jew 79594508 jew b’email fuq [email protected] sal-20 ta’ Diċembru. Il-Milied fix-Xagħra jagħlaq fit-3 ta’ Jannar bil-Cavalcata tas-Slaten Maġi fil-pjazza Vittorja tax-Xagħra fl-10:30 ta' filgħodu bil-kollaborazzjoni tax-Xagħra Historical Re-enactment Organisation. Għal aktar informazzjoni żuru il-paġna fuq facebook tal-Għaqda, Il-Milied fix-Xagħra.

More in G?awdex