64% tal-lukandiera Għawdxin jgħidu le għall-mina

Jibżgħu li se jitilfu ħafna xogħol u li Għawdex issir destinazzjoni ta’ ġurnata

L-ILLUM għandu f’idejh stħarriġ li għamlet il-Gozo Tourism Association (GTA) fl-aħħar tas-sajf li għadda li juri kif xejn inqas minn 64% tal-lukandiera u operaturi turistiċi Għawdxin esprimew ruħhom kontra ‘link’ permanenti bejn Malta u Għawdex, kemm jekk din tkun fil-forma ta’ mina u anke jekk ikun pont. L-istħarriġ sar fost 100 stabbiliment Għawdxi li 30% minnhom kellhom x’jaqsmu ma’ akkomodazzjoni, 33% kienu ristoranti u 33% kienu ‘operaturi oħrajn’.

Meta kkuntattjat mill-ILLUM il-Kap Eżekuttiv tal-GTA Joe Muscat, spjega kif għall-mistoqsija diretta tal-assoċjazzjoni “Inti taħseb li l-istabbiliment tiegħek jaqbillu li jkun hemm ‘link’ permanenti bejn Malta u Għawdex?”, 64% wieġbu fin-negattiv, filwaqt li s-36% l-oħra wieġbu fil-pożittiv jew għadhom indeċiżi dwar il-kwistjoni kollha.

Il-GTA tesiġi li jsiru studji xjentifiċi dwar l-impatt ta’ mina

Muscat, filwaqt li għamilha ċara li l-GTA ma tridx tippreżenta lilha nnifisha bħala l-grupp kontra l-mina jew pont, saħaq għal bosta drabi li l-opinjoni dwar din il-kwistjoni, “għandha tkun iffurmata fuq studji xjentifiċi, fuq studji li jindikaw kif, b’mina jew b’pont, se jkun milqut is-settur tal-akkomodazzjoni f’Għawdex.” Huwa jistaqsi jekk b’mina Għawdex hux se jsir sempliċiment estensjoni ta’ Malta, “f’liema każ nitilfu dak li jiddistingwina minn Malta, filwaqt li s-settur turistiku jista’ jieħu daqqa liema bħala għax nispiċċaw destinazzjoni ta’ ġurnata biss.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA jikkritika, kemm lill-Gvern preċedenti kif ukoll dak preżenti u jgħid li filwaqt li “kellna diskussjonijiet maż-żewġ partiti, it-tnejn donnhom li għalihom il-ħolqien tax-xogħol jista’ jseħħ biss, jew l-aktar, b’mina jew pont”. Hu jmur lil hinn minn hekk, u għalkemm jisħaq dwar il-bżonn ta’ studji, jgħid ukoll li ma jemminx li bil-bini ta’ mina se jkunu qed jissolvew il-problemi. “X’solvejtli bil-mina jew bil-pont? Irridu nkunu realistiċi. Jekk tgħaddi mill-mina, xorta ġol-ġungla tat-traffiku li hemm Malta se nispiċċa. Vera li xi kultant il-baħar ikun mqalleb imma ma tistax tieħu deċiżjoni għal proġett daqshekk kbir minħabba xi ġranet fejn il-vapur ma joperax.” Huwa żied jgħid li fil-kwistjoni kollha wieħed irid ikun “realistiku mhux banali.”

Filwaqt li kkonferma mal-ILLUM dak li kien ippublikat minn din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda, jiġifieri li uffiċjali ta’ Transport Malta żaru n-Norveġja fejn fost l-oħrajn marru jaraw il-mina ta’ Hitra, huwa sostna li kien jippretendi li l-awtoritajiet jinvolvu lil kulħadd. “Nesploraw kull għażla, mela le, imma nippretendi wkoll li bħala assoċjazzjoni li nirrapreżentaw tant negozjanti nkunu involuti għax la meta sar ir-rapport tal-2012, u lanqas issa, il-Gvern mhux qed jinvolvina.” 

Joe Muscat temm jaċċerta li l-GTA ma tridx tagħmel kruċjati kontra proġett ta’ ‘link’ permanenti iżda trid li jsiru studji serji u dawk neċessarji speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-operaturi turistiċi Għawdxin ma tantx jidhru ħerqana li jsir il-proġett. Huwa qal ukoll li jkun jagħmel aktar sens li minflok mina waħidha, il-proġett ikun inkorporat f’wieħed ħafna ikbar ta’ ‘underground’ li tibqa’ sejra sa postijiet bħal Belt u Tas-Sliema.

 

 

 

More in G?awdex