Għaddasa jnaddfu il-qiegħ ta' Marsalforn

Dan l-iskart joħloq ukoll periklu lill-għaddasa.

‘Biljun Turist. Biljun Opportunità’ hija t-tema magħżula għall-Jum Dinji tat-Turiżmu 2015. Biex jiġi mfakkar dan il-jum, fuq inizjattiva tas-sitt ‘dive shops’ li joperaw minn Marsalforn,b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, dalgħodu ġie mnaddaf qiegħ il-baħar f’Marsalforn. Atlantis Diving Centre, Calypso Diving Centre, Scuba Kings Dive Centre, Bubbles Dive Centre, Gozo Aquasports u Nautic  Team Gozo huma s-sitt ‘dive shops’ li ħadu sehem f’din l-attività għat-tieni sena konsekuttiva.

Bħala parti mill-kampanja, diversi għaddasa niżlu jgħoddsu f’Marsalforn biex ġabru skart li ntefa’ fil-baħar u spiċċa jkerraħ il-ġmiel naturali ta’ qiegħ il-baħar. Diversi għaddasa jilmentaw li dan l-iskart li jvarja minn flixken tal-plastic, bottijiet, ħadid u ħafna skart ieħor, jagħmel il-ħsara waqt li jagħmel reklam ikrah lil Għawdex. Dan l-iskart joħloq ukoll periklu lill-għaddasa.

L-industija tad-diving hija industrija ferm importanti għall-gżejjer għaliex din tiġbed ħafna turisti kull sena. Infatti statistika miġbura mill-Malta Toursim Authority turi li madwar 30,000 turist jiġu Għawdex kull sena biex jgħoddsu. Dan l-ammont juri li aktar minn 20 fil-mija tat-turisti li jiġu Malta biex jgħoddsu joqgħodu Għawdex waqt li 64 fil-mija oħra tat-turisti li jiġu Malta biex jgħoddsu xorta marru Għawdex għal ġurnata. Diversi siti huma ferm importanti mal-għaddasa fosthom id-Dwejra, Mġarr ix-Xini, Ħondoq, ix-Xlendi u anke Marsalforn.

Preżenti għall-attività l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li l-ibħra tagħna joffru ħafna opportunitajiet ekonomiċi. Il-Ministru tenna li dan madanakollu jimplika responsabbiltàambjentali. Għalhekk , il-Ministru Refalo stqarr li għandna nieħdu ħsieb l-ambjent ta’madwarna. Il-Ministru rringrazzja lil kull min ta’ sehmu f’dan it-tindif u ħeġġeġ lil kulħadd biex iżomm lil Għawdex aktar nadif.

More in G?awdex