Se jsir tapit fuq il-pavimentar il-ġdid

Kwistjoni dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel għall-festi tar-Rabat

L-imbierka pjazza Indipendenza fir-Rabat Għawdex spiċċat f’kontroversja waħda wara l-oħra. Wara l-kwistjonijiet fuq ir-rilokazzjoni tas-siġar u l-pavimentar li ma wasalx issa qamet il-kwistjoni tat-tiġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel li jsiru fit-Triq it-Tiġrija. 

Minħabba l-pavimentar li sar mat-triq ta’ Pjazza Indipendenza, l-organizzaturi tat-tiġrijiet taż-żwiemel qalu li ż-żwiemel xħin jiġu biex jikkalmawhom jaslu fuq il-pavimentar u jogħtru. 

L-ILLUM sar jaf li l-Ministeru għal Għawdex ħa l-kwistjoni f’idejh u permezz tal-Gozo Sports Board irranġaw biex iġibu tapit ta’ 70 metru b’36 metru fuq il-pavimentar. Dan ġie deċiż f’laqgħa li saret fil-Ministeru bejn iż-żewġ soċjetajiet tal-festi fir-Rabat flimkien mad-dilettanti taż-żwiemel. Neqsin mil-laqgħa kien hemm is-sindku tar-Rabat Samwel Azzopardi jew xi rappreżentant tal-Kunsill. 

Meta l-ILLUM tkellem mas-sindku tar-Rabat qalilna,“Qatt ma ġejna mistiedna uffiċjali għal din il-laqgħa. Iltqajt il-Ġimgħa mal-Ministru b’mod każwali waqt il-ftuħ tal-monument ta’ Mons. Luigi Vella fi pjazza Savina u l-ministru qalli li l-għada kellu laqgħa ma’ taż-żwiemel. Ma naħsibx li dik kienet xi stedina uffiċjali.

“Dawn it-tiġrijiet li qalulna li xħin jiġu biex jikkalmawhom iż-żwiemel jistgħu jweġġgħu fuq il-pavimentar ġdid, żgur li ma nistgħu nagħmlu xejn. Għax il-pavimentar żgur li mhux se naqilgħuh. Is-soluzzjoni min-naħa tagħna nemmnu li tista’ tkun li jibdew isiru kif kienu jsiru oriġinarjament, minn fejn Dominic’s, allura ż-żwiemel jiġu kkalmati qabel jaqbdu l-pavimentar il-ġdid. Dan jista’ jsir billi tinqala’ t-traffic island li hemm bil-konkos li saret wara li aħna konna ppjanajna l-pavimentar tal-pjazza u l-madwar.”

Mitlub jikkummenta dwar it-tapit hu qal li bħala kunsill ma jafu xejn x’deċiżjoni ttieħdet għalkemm safejn jaf hu t-tapit ma setax isir.

More in G?awdex