In-Nadurin jiċċelebraw l-Imnarja kif jafu huma biss

Intervista esklussiva man-Naduri Anton Said li jieħu ħsieb l-organizazzjoni dixxpilinata tal-purċissjoni llejla

Il-kelma Mnarja ġejja mill-kelma bil-latin, ‘Luminaria’ li tfisser mixgħelha. U b’hekk il-Knisja Kattolika tiċċelebra din il-festa għal żewġ qaddisin kbar tagħha, San Pietru u San Pawl imsejħa bħala ‘Duo Luminaria Magna’, iż-żewġt idwal kbar tal-Knisja. Hi festa fost l-aktar qodma tal-Knisja Kattolika li taf il-bidu tagħha mill-mewt ta’ Pietru fis-sena 64AD u kompliet tikber fis-snin ta’ wara meta miet Pawlu.

Sa mis-sena 258 WK din il-festa kienet diġà qed tiġi ċelebrata fil-jum tad-29 ta’ Ġunju, fil-ġurnata tat-tifkira tal-fondazzjoni ta’ Ruma mill-mitiċi Romulus u Remus u kienet tiġi mfakkra fuq l-għolja tal-Quirinale fit-tempju dedikat lil Romolo Quirino. Minn meta Ruma qalbet għall-Kattoliċiżmu, din il-festa inbidlet għal waħda li tfakkar lill-appostli Pietru u Pawlu.

Fin-Nadur din il-festa kienet stabbilita fl-1713 fejn l-Għawdxin kienu jiċċelebraw din il-festa bix-xalata fil-buskett tan-Nadur, segwita bit-tiġrijiet tal-bhejjem u l-funzjonijiet reliġjużi fil-Knisja Parrokkjali u għal 300 sena nżammet ħajja min-Nadurin. L-Imnarja hi wkoll ċelebrazzjoni folkloristika f’ġieħ frott l-art, b’nisel semitiku ta’ popli li għexu madwar il-Mediterran li taf il-bidu tagħha għal żmien il-Kartaġiniżi li kienu jiċċelebraw il-festa agrarja mis-sena 500 QK.

Din l-informazzjoni ħadtha mill-ktieb magħmul bil-għaqal u ħidma ta’ Naduri, Anton Said li mort nitkellem miegħu n-Nadur biex nieħu xi informazzjoni dwar xi tfisser din il-festa għan-Nadurin. Anton Said jiddeskrivi lilu nnifsu bħala wieħed mill-attivi għall-festa u beda jitkellem f’isem kull Naduri attiv fil-festa li huma ’l ħafna. Innutajt li kull triq fin-Nadur kienet imdewda b’żagħżagħ kollha jarmaw toroq differenti, “Hawn in-Nadur” beda jgħidli Anton, “hawn saħħa f’kollox. Ngħixu hawn 4,300 persuna u kollha ningħaqdu flimkien biex norganizzaw il-Karnival, il-festi tal-Milied, il-festival tal-Inbid u fuq kollox il-festa tal-Imnarja.”

Anton qalli li l-armar tal-festi fin-Nadur beda qabel kulħadd, “ilu mitt sena dan l-armar u għadu tale quale għax nieħdu ħsibu u kull triq tieħu ħsieb li dejjem tirranġa l-bżonn tal-armar.”

Il-festi f’Għawdex bħal dawk f’Malta m’huma xejn jekk ma jkunx hemm in-nar u hawn Anton qalli li n-nar tan-Nadur jieħdu ħsiebu l-kamra ta’ Ħal Lija għax f’Għawdex  m’hemmx kmamar tan-nar. “Ikollna spettaklu ta’ nar u aħna fost il-ftit li baqa’ f’Għawdex li jkollna n-nar tal-art.”

F’Għawdex hemm ukoll tradizzjoni li jumejn qabel il-festa, jiġifieri il-bieraħ isir marċ imsejjaħ id-dimostrazzjoni, fejn ir-raħal kollu jiċċelebra quddiem marċ mimli entużjasmu li jwassal biex kopja tal-istatwa tal-patruni titla f’nofs il-pjazza. Din ios-sena n-Nadurin stiednu liż-żewġ baned taż-Żejtun u ta’ Santa Liena biex iqajmu l-allegrija fir-raħal. Iżda l-banda Mnarja tan-Nadur ma tkun nieqsa qatt, mill-ġimgħa festi u tieħu sehem mill-ewwel ġurnata sa wara dħul tal-istatwa fejn il-marċ tal-birju jkun għada filgħodu, il-ġurnata tal-festa.

Anton qalli li fiż-żmien din kienet tiġi ċelebrata eżatt bħal ma jsir fil-Buskett f’Malta, iżda dak li kien masġar inqered u spiċċa mibni u llum in-Nadurin jorganizzaw xorta wirja agrarja u ikla tradizzjonali fil-pjazza. Spiċċat it-tradizzjoni fejn suppost fl-Imnarja l-għarus iwiegħed l-għarusa mħabbtu fin-Nadur.

Tkellimna dwar baned, armar u nar iżda l-Imnarja fin-Nadur hi festa tal-Knisja. “Ma ssibx siġġu fil-knisja fin-Novena. Speċjalment kemm ilu hawn l-arċipriet Jimmy Scerri u l-viċi tiegħu Fr Joe Curmi wettqu ħidma kbira fin-Nadur u jippakkjaw knisja sħiħa.”

Innutajt wkoll li f’din il-festa fin-Nadur m’hemmx konfini politiċi jew parrokkjali, “Hi Festa waħda għan-Nadurin kollha. L-uniku pika li għandna hi max-xogħol tagħna stess u l-poplu hu r-regolatur tagħna li jeżaminana li mar kollox sew.”

 

Interessanti l-fatt li għal festa hemm organizazzjoni sħiħa fir-raħal - xi ħaġa li ma ssirx wisq fi rħula oħra. Hemm il-kumitat tal-Festi Esterni li l-president tiegħu hu l-arċipriet. Minn dan il-kumitat ta’ 15-il persuna joħorġu delegati tal-armar, baned u nar b’qafas ta’ regolamenti u fuq dan kollu hemm ir-regolatur li huma grupp ta’ persuni magħżula mill-arċipriet li ma jkollhomx x’jaqsmu mal-festa u li jaraw li kollox qed isir sew. Dan hu esperiment li bdejnih aħna f’Għawdex u jidher li qed jiġi kkupjat minn rħula oħra Għawdxin.

 

Anke l-kunsill lokali jaħdem id f’id mar-raħal kollu biex din il-festa tirnexxi u fil-fatt Anton Said hu membru organizattiv fi ħdan il-kunsill, fejn jorganizza l-wirja agrarja u jieħu ħsieb il-programm tal-festa, ktejjeb bażat fuq informazzjoni dwar l-istorja tal-qaddisin miktuba minn nies gradwati bil-masters fuq l-istorja. Qalli li dan il-ktejjeb jibda jaħseb għalih qabel tgħaddi l-festa, fil-fatt diġà beda jaħseb għal tas-sena d-dieħla. Anton jieħu ħsieb ukoll il-purċissjoni fejn għandu grupp ta nies li jmexxuha eżatt bil-ħin triq bi triq u jaraw li ma jkunx hemm qsim minn nofsha kemm jista’ jkun. “Il-purċissjoni titmexxa b’dixxiplina kbira.” Dwar ir-reffiegħa qalli li din tintiret mill-familji jew minn xi ħbieb li jagħżlu huma meta jiddeċiedu li jieqfu jerfgħu fil-vara. Interessanti li Anton għalkemm mhux poeta kiteb innu sentejn ilu li jindaqq waqt il-purċissjoni u dis-sena kiteb kanzunetta għal briju għaż-żgħażagħ, kanzunetta moderna u pop li jisimha ‘ġmiel dejjem’ u se tkun waħda mill-aktar marċi fejn iż-żgħażagħ se jaqbżu mad-daqq tiegħu.

Anton kellu kliem ta’ tifħir ukoll għas-sindku żagħżugħ, Edward Said, li minkejja l-istess kunjom, ma jiġi xejn minnu. Qalli li dan is-sindku barra li hu ħabrieki, kapaċi jaħdem ma’ kulħadd - tfal, żgħażagħ, anzjani, Laburisti u Nazzjonalisti. “Tarah jaħdem fl-armar u anke biex tlestiet il-pjazza fil-ħin beda jmidd idejh hu. Edward hu ffissat fuq l-Imnarja.”

Anton temm jgħid li l-fatt li issa il-pjazza inbidlet l-armar mhux kollu jista jitpoġġa u għalhekk din is-sena mhux se jkun hemm armar bħas-soltu iżda għall-futur se jsir armar ġdid li jkompli jsebbaħ din il-pjazza.

More in G?awdex