Servizzi ġodda għall-anzjani f’Għawdex

B’Għawdxija fit-tmun, Justyne Caruana, l-anzjani Għawdxin ħadu r-ruħ

B’Għawdxija fit-tmun tad-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, l-anzjani Għawdxin li ftit jew xejn kellhom servizzi fil-gżira tagħhom, ħadu r-ruħ. Il-fatt li nħolqu diversi servizzi ġodda għall-anzjani Għawdxin f’Għawdex stess hu fattur ferm pożittiv fejn anke tqassam ktejjeb f’kull dar li jwasslu dawn is-servizzi kollha li hemm f’Għawdex. Għalhekk iddeċidejt li għal dawk l-anzjani li inwassal dawn is-servizzi hawn - forsi għal dawk li ma tawx każ il-ktejjeb li waslilhom fil-posta u ntrema mal-bqija tal-fuljetti kollha li wieħed jirċievi fil-posta kważi kuljum, jew li forsi qatt ma taw każ li hemm servizzi li jistgħu jibbenefikaw minnhom bla ħlas.

Servizz ta’ Respite

Dan is-servizz tnieda f’Jannar u hu servizz temporanju ta’ kura lill-anzjani sa massimu ta’ 3 ġimgħat. Is-servizz hu ntiż biex jserraħ lil dawk il-familjari jew persuni li jagħtu kura ta’ kuljum lill-anzjani tagħhom u fl-istess ħin iserrħulhom moħħhom li l-anzjani tagħhom qegħdin f’idejn tajba. Dan is-servizz qed jingħata f’Villa San Lawrenz u min irid japplika għalih irid jew jikseb formola miċ-Ċentru Servizz Anzjan fil-Belt Valletta, jew inkella fuq is-sit www.activeageing.gov.mt.

Night Shelter

Dan l-aħħar kien iffirmat kuntratt bejn is-Segretarjat tad-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilità u Anzjanità Attiva u Dar Padova f’Għajnsielem. Dan is-servizz se jipprovdi sodda għal dawk l-anzjani isibu diffikultà biex jorqdu d-dar tagħhom, forsi għax jibżgħu jew anke biex ma jqattgħux il-lejl weħidhom u ma jkollhomx min jorqod magħhom. Dan filwaqt li jkunu b’saħħithom biżżejjed biex filgħodu jkunu jistgħu jgħixu komdi fid-djar tagħhom. Dan is-servizz se jingħata f’Dar Padova, li tinsab fil-kunvent tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem. Il-kunvent kien sar kbir wisq għall-ammont żgħir ta’ patrijiet li hemm f’din il-kommunità u b’hekk laħqu ftehim mal-Gvern li dan l-ispazju jintuża bħala night shelter għall-anzjani Għawdxin. L-applikazzjoni tista’ tinkiseb miċ-Ċentru servizz Anzjan fil-Belt Valletta, inkella mis-sit www.activeageing.gov.mt

Kura fit-Tul

Għall-ewwel darba f’Għawdex introduċa s-servizz ta’ Kura fit-tul għall-anzjani. Servizz li qed jingħata permezz ta’ Public Private partnership ma’ Villa San Lawrenz. Apllikazzjoni  miċ-ċentru servizz Anzjan il-Belt inkella fuq is-sit www.activeageing.gov.mt

Servizz ta’ Commcare

Dawk l-anzjani li għandhom bżonn kura f’darhom stess u fl-istess ħin iridu l-indipendenza tagħhom li jkomplu jgħixu fil-kommunità. Dan hu servizz intiż għall-individwi li ma jistgħux joħorġu mid-dar u jinkludi servizz ta’ infermiera. Min għandu bżonn dan is-servizz jista’ jċempel fuq 22589393 Commcare Assesment Unit.

Ċentru għad-Dimensja

Dan iċ-ċentru se jkun jopera wkoll minn Dar Padova f’Għajnsielem u se jkun għal dawk li qed ibatu bid-dimensja. Iċ-ċentru li mistenni jiftaħ ftit ġimgħat oħra se jkun qed jiftaħ matul il-jum bi programmi speċjalizzati u adatti għal persuni li għandhom din il-kundizzjoni. Dan se jkun servizz ġdid u uniku fil-gżejjer Maltin u biex wieħed japplika għal dan is-servizz wieħed irid jidħol fis-sit www.activeageing.gov.mt.

Ċentri għall-Anzjanità Attiva

F’Għawdex qed jinfetħu iżjed servizzi ta’ matul il-jum li bħalissa huma f’żewġ lokalitajiet, San Lawrenz u Taċ-Ċawla u bħalissa qed jinħema ċentru ieħor fix-Xewkija fejn min irid jattendi jista’ jikuntattja lis-Segretarjat fuq 25903140.

More in G?awdex