Dixxiplini Sportivi Maltin u Għawdxin flimkien f'Għawdex

Festa ta' Sport fi tmiem din il-Ġimgħa madwar Għawdex

20 nursery tal-Football, sitt clubs tal-arti Marzjali, erba clubs tar-rugby, clubs tal-baseball, madwar 60 żiemel tat-tiġrija, għexieren tal-aqwa mudelli tal-ajruplani fil-heliport, ġinnastika, muturi, enduro, maratona tax-Xagħra, atletika, snooker f'Għajnsielem u sparatura fiż-Żebbuġ fost id-dixxiplini sportivi li se jkun  hemm madwar Għawdex kollu matul tmiem il-ġimgħa, bejn l-24 u 26 t'April.

Il-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Gozo Sports Board b'koperazzjoni mal-KMS u l-Ministeru għall-Isport ħolqu dan tmiem il-ġimgħa Sportiv biex iħajru aktar żgħażagħ u tfal Għawdxin jibdew jieħdu sehem f'kull tip ta' dixxiplina Sportiva, biex tiġi miġġielda l-obeżita. Dan qalu l-Ministru għal Għawdex Anton refalo waqt Konferenza stampa li saret Malta fis-segretarjat tal-Isport. Anke is-segretarju parlamentari għall-Isport qal li se jkun preżenti f'Għawdex din tmiem il-ġimgħa ħalli jżur d-diversi dixxiplini madwar Għawdex fejn atleti maltin minn kull dixxiplina se jikompetu ma' dawk Għawdxin. Hu qal li bħalissa hemm koperazzjoni sħiħa bejn il-KMS u l-Gozo Sports Board biex l-Isport f'Għawdex ikompli jiġi organizzat u jikber.

Alvin Grech il-kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board qal li din tmiem il-ġimgħa setgħet issir għall-għajnuna li l-Bord sab mid-direttorat tat-Turiżmu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li iffinanzja dan l-avveniment li se jkun jiswa madwar €11,000 fejn atleti Maltin qed jiġu sussidjati biex jaqsmu għal Għawdex b'xejn.

Il-Ministru Refalo qal ukoll li b'dan l-avveniment intlaqtu żewġ għasafar b'ġebla waħda meta permezz ta' dan l-avveniment diversi Maltin jitilgħu jakkumpanjaw lill-atleti u jikber it-turiżmu f'Għawdex fi tmiem il-ġimgħa li s-soltu jkun kwiet għal Għawdex u b'hekk l-Isport u t-Turiżmu se jibbenefikaw minn dan l-avveniment.

More in G?awdex