Il-Prim Ministru inawgura l-proġett tal-belveder f'Għajnsielem

Il-proġett ta’ tisbiħ mill-ġdid tal- Belvedere f’Għajnsielem Għawdex kien imwettaq mill-kunsill lokali.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, Dr Muscat qal li tal-lum m’hijiex biss inawgurazzjoni ta’ proġett f’post daqstant sabiħ imma hija sinjal ċar li l-gżira Għawdxija tista ttejjeb il-prodott tagħha b’mod konkret, b’ħidma qawwija fil-lokalitajiet u l-kommunitajiet tagħha.

Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern jemmen li Għawdex m’għandux jieħu l-ftit ta’ Malta iżda ħaqqu jibbenefika minn opportunitajiet distinti tiegħu. B’din l-attitudni, il-gżira Għawdxija qiegħda, u se tkompli, tattira lejha investiment tal-ogħla kwalità u għalhekk huwa importanti li l-prodott Għawdxi jibqa’ jitjieb.

Dr Muscat qal li Għawdex irid jimmira, fost oħrajn, għal turiżmu li jibqa’ f’livell tajjeb matul is- sena kollha. Irrefera għad-diversi eżempji ta’ każijiet fejn il-Gvern, kunsilli lokali u għaqdiet non- governattivi ħadmu flimkien biex jiġġeneraw aktar ġid lejn Għawdex li jitgawda mill-Għawdxin kollha.

Temm jgħid li, wara li s-sena li għaddiet irreġistrat fost l-ikbar żidiet fl-istorja fin-numru ta’ passiġġiera li vvjaġġaw lejn Għawdex, dawn huma t-tip ta’ inizjattivi li jridu jkomplu jitkattru fix- xhur li ġejjin biex tissaħħaħ il-gżira Għawdxija u jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex għal Għawdxin.

More in G?awdex