Pietru Pawl ta’ Perelli

L-uniku Għawdxi li jagħmel instrumenti folkloristiċi u jdoqqhom

Pietru Pawl l-uniku li baqa’ jdoqq iż-żaqq
Pietru Pawl l-uniku li baqa’ jdoqq iż-żaqq

Pietru Pawl, magħruf aħjar bħala Ta’ Perelli hu min-Nadur. Hu miżżewweġ u għandu bint li taħdem bħala nurse. Għal dawn l-aħħar 26 sena, Pietru Pawl hu sinonimu mal-mużika folkloristika. Mhux biss idoqqha iżda anke joħloq u jagħmel instrumenti mużikali folkloristiċi hu stess, mingħajr għajnuna ta’ ebda’ makkinarju sofistikat. Kollox magħmul manwalment u jagħtihom il-ħoss li jixtieq hu. Fil-fatt kapaċi jagħmel 14-il instrument – li kollha se jkunu għall-wiri fir-raħal ta’ Santa Luċija fil-Ġimgħa Folkloristika li se tittella’ f’Għawdex bejn id-19 u t-22 ta’ Marzu. Fil-fatt hu diġà lesta dawn l-instrumenti:- Iż-żaqq, il-flejguta, suffara tal-pluvieri, iċ-ċuqlajta, tambur u tamburlin, il-karabazza, il-bedbut, il-korsolin, iż-żummara, ir-rubbaba, l-imgħasqa, il-qarn, il-bronja u l-bagalja.

Pietru Pawl joqgħod f’żona ġmiel in-natura, eżatt fuq ir-riħ ta’ Binġemma b’taħtek xenarju meraviljuż tar-Ramla l-Ħamra. Dħalt id-dar ta’ Pietru Pawl fejn madwarek issib biss instrumenti mużikali Maltin, b’kitarri tal-għana mwaħħlin mal-ħajt, diversi żafżafi minn taċ-ċaqquf bħal dawk bl-injam, magħmulha minnu u kull tip ta’ tamburi u tamburlini, flejguti, ċuqlajti u anke ż-żaqq magħmula mill-gidi. U hawn Pietru Pawl beda mhux biss jurini kif jindaqqu, iżda wkoll kif jagħmilhom. Ngħid il-verità bqajt skantat bil-mod kif tgħallem jagħmel dan ix-xogħol u anke jdoqqhom. Għalhekk iddeċidejt li naqsam din l-esperjenza magħkom il-qarrejja.

Laqgħani bil-ħoss tal-Bronja li hi speċi ta’ sea shell kbira fejn fl-antik kien jitla’ wieħed fuq waħda mill-ħafna mtieħen li kien ikun hemm Għawdex . Biha kien iwassal messaġġ minn mitħna għall-oħra li r-riħ ikun tajjeb biex jiġi mitħun il-qamħ. 

Uħud mill-instrumenti tradizzjonali
Uħud mill-instrumenti tradizzjonali

Pietru Pawl, li illum jgħodd 65 sena u pensjonant, kien jaħdem mal-Gozo Channel u bħala Naduri kien wieħed iffissat fuq il-Karnival - “dak li kien veru spontanju” qalli b’ċertu dieqa. “Il-Karnival fin-Nadur qerduh għal kollox, għax biex tagħmel disko m’għandekx bżonn jiġi l-Karnival. Il-Karnival imissna żammejnih tradizzjonali, li nilbsu ħwejjeġ grotteski u bid-daqq folkloristiku, xarba tajba u divertiment madwar in-Nadur kollu.”

Pietru Pawl kien dejjem jieħu sehem fil-Karnival tan-Nadur u meta żżewweġ fl-1989 talab lil martu biex tilbes xi ħaġa tal-Karnival, u kkuntentatu, “Iżda wara qaltli li ddejqet. Għalhekk iddeċidejt li ma nilbisx iżjed, iżda ddeċidejt li nibda ndoqq f’kull karnival. Filfatt għamilt hekk kull sena mill-1989 sas-sena l-oħra. Din is-sena l-uniku darba li ma daqqejtx għax il-ħwienet li kont indoqq fihom f’dawn l-aħħar 18-il sena għalqu u issa ħlief trakkijiet b’ħoss qawwi tad-disko m’hemmx.”

Staqsejtu kif tgħallem il-mużika u kif tgħallem idoqq. Qalli li kien imur jitgħallem għand wieħed li għallmu n-noti bin-numri, flok do-re-mi eċċ bin-numri 1-2-3, “imbagħad maż-żmien bdejt indoqq bl-udit, li nisma’ sirt kapaċi indoqqu. L-instrumenti tgħallimthom waħdi - indoqqhom u noħroġ il-ħoss folkloristiku minnhom, fejn iż-żaqq li jien l-uniku wieħed li ndoqqha f’Għawdex kien għallimieli Ġużi Gatt u Ruben Żahra u flok ħlas talabni ngħallimha lil xi ħadd. U hekk għamilt. Għallimtha lil ċertu Gorg Bonello bil-kundizzjoni li jgħallimha lil xi ħadd hu, iżda m’għallimha lil ħadd u bqajt indoqqha waħdi.

Pietru Pawl mitluf għal kollox dwar l-imħabba kbira ta’ ħajtu -  il-folklor. Beda jdawwarni minn kamra għall-oħra, bil-garaxx inkluż biex jurini kif jaħdem dawn l-instrumenti li huma ferm interessanti. 

Iż-żaqq hi magħmulha minn gidi maskili minħabba l-anatomija ta’ kif inhi magħmulha ż-żaqq u s-sider. Fil-fatt, iż-żaqq li jdoqq kienet ta’ gidi maqtul minnu stess. Tkellem ukoll dwar il-flejguta u l-bedbud li jsiru mill-qasab, “irid jinqata’ sitt xhur qabel u jinħadem fis-sajf biex jinxef u jkollu ħoss tajjeb.” Innutajt ukoll li kellu instrument bi speċi ta’ but iswed u qalli li dan jissejjaħ kurjulun u ħafna jużawh biex isejħu lis-summien għax għandu eżatt il-ħoss tas-summien, iżda hu jużah għall-akkumpanjament fid-daqq tiegħu. “Filfatt jien nagħmillu t-toqba ftit aktar ħoxna ħalli jinstema’ aktar u l-but nagħmlu mit-tajers tal-karozzi.”

Urieni wkoll kif issir iż-żafżafa li fosthom uża injam meħud mill-vapur ‘Għawdex’ qabel ġie mgħerreq, idawwar dan l-injam, jorbothom bil-ġild u anke joħloq labar apposta mdawrin biex ikun jista’ iħithom u wara juża l-ġild tal-gidi għax irid ikun irqiq kemm jista’ jkun biex tagħmel ħoss sabiħ meta jdaħħal u joħroġ il-qasba minn dik li tidher forma ta’ ‘barmil’. “Aktar ma tkun irqiqa l-ġilda, aktar joħroġ ħoss sabiħ. Fl-antik ġieli kien jintuża ġild tal-qattus li jkun miet.”

Uħud mill-instrumenti tradizzjonali li għamel
Uħud mill-instrumenti tradizzjonali li għamel

U wieħed irid jammira l-kaxxa lussuża li anke kapaċi jagħmel fejn titpoġġa ż-żafżafa. Meta tlabtu jgħidli kif tgħallem jagħmel dawn l-instrumenti, qalli li ġieli kien jixtri wieħed imbagħad jagħmel bħalu bil-mod tiegħu u joħroġ l-istess ħoss jew xi ħoss li jrid. Ġieli juża d-diversi kotba li għandu dwar kif isiru dawn l-instrumenti u jaħdem fuqhom b’materjal li jiddeċiedi hu, u joħroġhom perfetti.

Urieni karabazza li l-injam li magħmulha bih għandu 400 sena minn xorok ta’ bużnannuh. Sadattant Pietru Pawl kuljum mit-Tnejn sas-Sibt wieħed isibu d-Dwejra jdoqq bħala busker folkloristiku fejn it-turisti kollha jkunu jridu jieħdu ritratt miegħu li jilbes il-kostum tal-passat u jixtru wkoll il-casettes li jagħmel bil-mużika tiegħu. “Anke is-sandli nagħmlu jien fejn il-qiegħ nagħmlu mit-tajers tal-karrozzi.” Filfatt wieħed ikun jista’ jara l-linji tat-tajers fil-qiegħ. Iżda, jiddispjaċih ħafna li filwaqt li t-turisti barranin u Għawdxin tant jieħdu gost bih id-Dwejra fejn kollha jieħdu ritratti miegħu u jixtru l-casettes, l-Għawdxin jiddieħku bih u jgħidulu miġnun.

Pietru Pawl il-busker tad-Dwejra
Pietru Pawl il-busker tad-Dwejra

Pietru Pawl qalli li jħossu diżappuntat li l-folklor u t-tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin qed noqtluhom, “Il-folklor ma jindaqqx bis-synthetizer, iżda permezz ta’ instrumenti folkloristiċi. M’aħniex nieħdu ħsieb it-tradizzjonijiet u importanti li nżommu dak li kellna u ma nħalluhx jinqered.”

Qabel tlaqt tani kunċert ta’ diversi daqqiet folkloristiċi b’diversi instrumenti, bl-aktar wieħed li jħossu komdu bih, l-argunett, li għandu mitejn sena. Wasal ukoll sabiex sab mezz kif isewwih bl-inqas flus possibbli. Dan għamlu billi għall-washers tal-molol tan-noti, flok juża l-washers propji, li jiswew ħafna flus, juża biċċiet tal-wajers. 

Il-laqgħa tiegħi ma’ Pietru Pawl kienet waħda li ma ninsiha qatt- speċjalment li tani żewġ CDs minn tiegħu li jibqgħu jfakkruni fih.

More in G?awdex