Il-ġerrej Marvin Cauchi l-Isportiv tas-sena f’Għawdex

Imħabbra r-rebbieħa Sportivi f'Għawdex fil-Gozo Sports Awards

Marvin Cauchi jidher jiġi ppremjat mill-Ministru Anton Refalo
Marvin Cauchi jidher jiġi ppremjat mill-Ministru Anton Refalo

F’serata mill-isbaħ imtella mill-Gozo Sports Board fil-Gozo Sports Complex li kien ippakkjat wara nuqqas ta’ 13-il sena ngħataw l-unuri lill-isportivi Għawdxin.

L-unur prinċipali tal-isportiv tas-sena ngħata li ġerrej popolari taż-żwiemel f’Għawdex Marvin Cauchi, filwaqt li l-player tal-Futbol tan-Nisa, Emma Xuereb ngħatat l-unur tal-Isportiva tas-sena.

Il-Futbol tan-nisa rebaħ unur ieħor meta Maria Farrugia ngħatat l-unur tal-aktar żagħżugħa promettenti, bil-player żagħżugħ tal-waterpolo, Christian Theuma jintagħżel bħala l-aktar żagħżugħ promettenti. It-tim tas-sena ġie vvutat it-team tal-waterpolo, Otters filwaqt li l-unur għall- uffiċċjal tas-sena ngħata lil Josef Scicluna li waqqaf il-logħba tal-baseball u soft ball f’Għawdex.

Ingħata wkoll unur speċjali lil wieħed mil-amministraturi sportivi li ħadem qatigħ għall-isport Għawdxi, il-veteran Joe Psaila.

Preżenti għas-serata kien hemm il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li tkellem dwar kemm hu mportanti li ż-żgħażagħ Għawdxin jieħdu ħsieb saħħithom u ġisimhom permezz tal-Isport u semma wkoll li l-wegħdha tal-pixxina f’Għawdex mhux ser iddum biex titwettaq. Din l-aħbar intlaqgħet tajjeb mill-amministraturi u għawwiema li kienu preżenti li ilhom jistennew li l-ħolma tagħhom ssir realta.

Qal ukoll li l-Gozo Sports Board għandu jservi ta’ ħolqa bejn il-Ministeru ta’ Għawdex u l-Isportivi Għawdxin.

Preżenti kien hemm ukoll is-segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius li faħħar lil Ministru għal Għawdex għal ħolqien mill-ġdid tal-Gozo Sports Board. Qal ukoll li għandu jkun hemm sinerġija u ħidma flimkien mal-KMS kif ukoll mas-Segretarjat responsabbli mil_isport. Hu semma wkoll dak li qed isir fuq livell nazzjonali fejn qed jaħdem biex tinħareġ sejħa biex f’pajjiżna jkun hawn korsa tat-tiġrijiet tal-karrozzi, tittejjeb il-korsa taż-żwiemel fil-Marsa u li ssir shooting range ta’ livell internazzjonali.

Fl-aħħar tkellem il-kap eżekuttiv tal-Gozo Sports Board, Alvin Grech, fejn wara r-ringrazzjamenti formali talab lis-segretarju Parlamentari għall-Isport, Chris Agius biex dejjem iżomm f’moħħu l-isportivi Għawdxin kull darba li jaħseb dwar finanzjar ta’ proġetti ġodda. Għax  il-Gozo Sports Board qed jaħdem b’sistemai ta’ PPP għal ċerti proġetti li għandu f’moħħu li jwettaq iżda kultant ikun hem bżonn għajnuna finanzjarja mill-gvern ċentrali wkoll.

REBBIEĦA KOLLHA kienu dawn

SPORTIV TAS-SENA:- Cauchi Marvin – Gozo Horse Racing Association

Beda dan l-isport fl-1999 meta kellu 18-il sena. Dan l-istaġun rebaħ diversi tiġrijiet u finali. Matul l-2014 f’Malta huwa saq fi 33 tiġrija fejn rebaħ ħamsa. Dawn kienu fl-Equestrian Festival Bronze qualifier biż-żiemel Janitor u l-erba’ rebħiet l-oħra fuq iż-żiemel Record du Mexique fil-Klassi Silver, fl-LeTrot C'ship Silver Heats u fis-Semi-Finali, kif ukoll fil-Finali tal-Prix de Cabourg Silver PMU Race. Din it-tiġrija li saret nhar l-14 ta’ Diċembru 2014, kienet ixxandret diretta mal-Ewropa kollha, fuq l- istazzjon Equida.

Matul l-2014 f’Għawdex, Marvin Cauchi rebaħ il-Baileys Heats Class A1 fuq Narciso Grif (iben il-Leġġendarju Varenne). Imbagħad għamel rebħiet oħra fuq Record du Mexique fl-End of Season Silver Final, fil-Pre Season Silver Heats u l-Finali, fl-Autumn  Silver Heats u anke l-Finali.

Marvin kellu wkoll esperjenza sabiħa meta kiseb suċċess waqt il-Kors li attenda għalih fl-iŻvezja fil-Programm Good Horsemanship focused on Racing Trotters.

SPORTIVA TAS-SENA:- Xuereb Emma – Gozo FC

Magħżula bħala l-aħjar Player Femminili tal-GFA matul l-istaġun li għadda fejn it-tim Għawdxi spiċċa fir-raba post tal-Kampjonat tal-ewwel Diviżjoni organizzat mill-MFA. Emma hija għażla awtomatika mat-team Nazzjonali Malti. Kienet ukoll magħżula bħala l-BOV Plejer Femminili tax-xahar tal-MFA għax-xhur ta’ Settembru u Ottubru.

UFFIĊĊJAL TAS-SENA:- Scicluna Josef – Għajnsielem Redcoats

ŻAGĦŻUGĦ PROMETTENTI:- Theuma Christian – Otters Aquatic Sports Club

ŻAGĦŻUGĦA PROMETTENTI:- Farrugia Maria – Gozo F.C.

TIM TAS-SENA:- Otters - Aquatic Sports Club

PREMJU SPEĊJALI:- Psaila Joe – Amministratur

Għal ħafna snin kien għalliem kif ukoll Uffiċċjal Edukattiv tal-Edukazzjoni Fiżika, fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. F’diversi okkażjonijiet, Joe Psaila kien kowċ tal-futbol kemm mat-tim Rappreżentattiv Għawdxi, kif ukoll ma’ Xewkija Tigers FC fejn magħhom spiċċa bħala champions ta’ Għawdex.

Bejn is-snin 1988 u 1994, Joe Psaila kien l-ewwel Chairman tal-Bord Sportiv Għawdxi, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, fejn f’dak il-perjodu saru faċilitajiet sportivi ġodda f’Għawdex, fosthom il-Kumpless Sportiv u l-art bil-ħaxix fil-Gozo Stadium. Għal ħames snin, hu kien il-kap tal-istess Kumpless Sportiv, l-ewwel ċentru modern tal-isport f’Malta u Għawdex. Hemm hu introduca varjetà ta’ sports, x’uħud minnhom għall-ewwel darba fi gżiritna. Kien dak il-perjodu wkoll li l-Bord Sportiv Ghawdxi beda jorganizza ta’ kull sena l-“Premju Sportivi Għawdxin”.

Fuq livell nazzjonali, Joe Psaila kien membru tal-Kunsill Malti għall-iSport u Viċi-Chairman ta’ dan il-Kunsill fis-sena 1996. Bħala Uffiċċjal fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, Joe Psaila kien fit-tmexxija tal-Bord li wassal biex l-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport isiru suġġett rikonoxxut, bħal suġġetti oħra, mit-Taqsima tal-Eżamijiet tal-Università ta’ Malta u bl-għoti ta’ ċertifikat SEC fit-teorija u l-prattika. 

 

 

 

 

More in G?awdex