Il-Karnival f’Għawdex jiġbed l-eluf

  • Karnival Reġjonali għal familji... karnival spontanju għaż-żgħażagħ
  • Il-karnival spontanju beda b’tal-Liżar
  • Iż-żifna karnivaleska tal-kummittiva għandha oriġini Għawdxija
  • Il-Karnival Għawdxi tradizzjoni ta’ 421 sena

Kien fl-1594, żmien il-Kavallieri meta ngħata bidu għal Karnival Għawdxi fejn dak organizzat u li llum jissejjaħ reġjonali dejjem kien isir fil-belt Victoria jew kif ħafna jsibuha bħala r-Rabat Għawdex.

Għal gżira Għawdxija l-Karnival hu altru milli avveniment ieħor. Għal Għawdex il-Karnival ifisser ħafna għax barra li jġib kummerċ kbir għal gżira Għawdxija, fejn eluf kbar ta’ Maltin, barranin u anke Għawdxin iqattgħu ħamest ijiem sħaħ jiddevertu u jitbaħartu. Skont statistiċi tal-NSO fil-fatt, il-Karnival f’Għawdex jiġbed ħafna Għawdxin lejh. Tant li l-Għawdxin joħorġu għal Karnival daqskemm joħorġu għal festi tal-Ġimgħa l-Kbira u ftit inqas mill-festi tal-villaġġi fis-sajf. Hu t-tielet l-aktar avveniment li jirrikorru għalih l-Għawdxin.

Dil-ġimgħa mort nitkellem ma’ persuna fl-uffiċċju tal-Kultura f’Għawdex, Charles Hili li flimkien mat-tim tiegħu fil-kultura ilhom jaħdmu għal dawn l-aħħar tliet xhur bla nifs biex jorganizzaw il-Karnival reġjonali f’Għawdex. Mingħandu ndunajt li l-Karnival għal Għawdex hu parti mill-kultura u jqisuh ukoll bħala arti, “Għax min jiġi għal Karnival f’Għawdex, barra li jiddeverti, jduq l-ikel tagħna u anke jista’ jżur postijiet oħra f’Għawdex bħall-istatwa tas-salvatur li għadu kif ġie restawrat u min jitla’ hemm fuq jara veduta mill-isbaħ.” Beda biex jgħidli Charles Hili.

Fil-fatt karru tal-Karnival jiġi jiswielhom madwar €20,000 minn buthom u jekk jirbħu jieħdu madwar €3,000

L-uffiċċju tiegħu hu mdawwar b’diversi posters minn kull karnival li sar f’dawn l-aħħar 30 sena. Hili qalli li f’Għawdex hi kultura li l-poster tal-Karnival kull sena jsir oriġinali minn artist lokali. Dis-sena sar mill-artist Toni Caruana li normalment hu ‘landscaper’.

Tkellimna wkoll dwar dak li hemm organizzat dis-sena fil-karnival reġjonali fejn qalli li dis-sena hemm rekord ta’ karrijiet, “ilu snin twal jekk qatt kien hawn seba’ karrijiet” qalli Charlie. Hemm erba’ karrijiet mir-Rabat, wieħed mix-Xewkija, ieħor min-Nadur u dis-sena sar wieħed mill-istudenti tal-arti. Dan barra li hemm 2 kumpaniji kbar taż-żfin li se jieħdu sehem fil-parati li dis-sena se jkun hemm seba’ sfilati mill-Ġimgħa sat-Tlieta (bis-Sibt u l-Ħadd b’żewġ sfilati). Dis-sena f’Għawdex se jirritorna wkoll ir-Re tal-Karnival li ilu nieqes snin minn Għawdex.

Mistoqsi jekk issirx satira politika fil-karrijiet, Charlie qalli li dik normalment issir fil-Karnival spontanju tan-Nadur, “iżda s-satira ma tfissirx persunaġġi politiċi biss. Nista’ ngħidlek li dis-sena se jkun hemm persunaġġi magħrufa Għawdxin fuq karru partikolari.” Charles Hili qalli wkoll li dawn jinħadmu fi btieħi u mħażen u jkun hemm pika kbira bejniethom. Fil-fatt karru tal-Karnival jiġi jiswielhom madwar €20,000 minn buthom u jekk jirbħu jieħdu madwar €3,000. U jdumu jaħdmu fuq karru minn Lulju jew Awwissu.  Fl-isfilata jieħdu wkoll sehem tliet baned li jitilgħu bil-polza barra dawk li jiġu minn Malta.

Tlabtu wkoll jgħidli xi ftit tradizzjonijiet tal-Karnival Għawdxi. Qalli li hi tradizzjoni li l-istudenti tal-arti joħolqu statwetta li minnha jsiru madwar 50 fejn tingħata waħda lil kulmin jieħu sehem. Dis-sena l-istatwetta se tkun tal-persunaġġ karnivalesk imsejjaħ tal-Liżar. U b’hekk il-passat se jingħata ħajja artistika mill-irġiel tal-futur.

L-istorja tal-Liżar ġejja minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Ħadd filgħodu kienu joħorġu ħafna tfal ta’ bejn l-10 u 15-il sena lebsin ta’ maskarati. Dawn kienu jilbsu ta’ ġuvintur u tfajliet. Bil-lejl ma kinux jilbsu maskra imma kienu jilbsu kutra jew liżar b’xi fanal jew qampiena f’idejhom u fl-id l-oħra bastun twil biex jinbxu n-nies. 

Tradizzjoni oħra li hi oriġinali Għawdxija hi ż-żifna tal-kummittiva fejn il-fqir u s-sinjur, l-bidwi u l-avukat kienu jduru ma’ arblu u kollha jżommu speċi ta’ żigarella kkulurita u jitħalltu ma’ xulxin u simbolu li fiż-żmien id-divertiment kulħadd jingħaqad ma’ xulxin.

Għeluq il-50 sena mill-mewt tal-għannej marbut mal-Karnival Għawdxi Fredu l-Lavarist
Għeluq il-50 sena mill-mewt tal-għannej marbut mal-Karnival Għawdxi Fredu l-Lavarist

Din it-tradizzjoni kienet mietet għal kollox f’Għawdex li ma kienx għal Kunsill Lokali tax-Xagħra li żammha ħajja u dis-sena se ssir sew fir-Rabat kif ukoll f’San Lawrenz. Interessanti li ż-żifna tal-kummittiva ta’ San Lawrenz hi differenti minn tax-Xagħra.

Semmieli wkoll lil Fredu Spiteri, il-Lavarist, li dis-sena jagħlaq 50 sena mejjet. Charles Hili qalli li l-Lavarist kien għannej li fil-karnival kien jilbes kostum nofsu ta’ fqir u nofsu ta’ sinjur. Kien popolari ferm fil-karnival. “Fil-fatt l-karnival spontanju ngħata l-bidu mill-ħwienet tal-inbid fl-irħula u kienu jibbażaw ħafna fuq l-għana.”

Fil-passat wieħed mill-aqwa karnivali spontanji kien tax-Xewkija, iżda llum ħa l-ħajja fin-Nadur fejn jiġbed eluf kbar ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin. 

Il-kummittiva - ritratt minn kollezzjoni privata ta’ pittura ta’ Camilleri
Il-kummittiva - ritratt minn kollezzjoni privata ta’ pittura ta’ Camilleri

“Il-karnival spontanju tan-Nadur hu speċi ta’ street party għaż-żgħażagħ u l-karnival reġjonali jattira aktar il-familji” kompla Charlie Hili. “L-iskop tagħna hu li nressqu Maltin kemm nifilħu lejn Għawdex u għalhekk aħna ngħinu lil xulxin biex b’hekk igawdi Għawdex kollu. Għax Għawdex jorganizza karnival għal kulħadd. Jorganizza dak tradizzjonali li jiġbed il-familji u dak spontanju li jiġbed liż-żgħażagħ. Iżda minn dawn joħorġu karnivali oħra fejn il-karnival reġjonali jgħin biex 9 irħula oħra bħal Nadur, Għarb, Qala, Munxar, San Lawrenz, Xagħra, Xewkija, Żebbuġ u Sannat ukoll jorganizzaw Karnival fil-lokal tagħhom. Dan barra li madwar Għawdex kollu jiġu organizzati parties kbar għaż-żgħażagħ matul il-lejl kollu.”

Il-karnival jibda mil-lum 8 ta’ Frar fejn isir Karnival tradizzjonali fin-Nadur f’nofsinhar u għada t-Tnejn fis-7 ta’ filgħaxija jkun hemm karnival organizzat fl-Għarb fil-pjazza prinċipali. Imbagħad mill-Ġimgħa 13 ta’ Frar sat-Tlieta 17 ta’ Frar Għawdex kollu jinbidel fi street party. Għawdex hu preparat bi sħiħ biex jilqa’ l-influss ta’ eluf li mistennija jżuru l-gżira Għawdxija f’dawn il-jiem ta’ bluha fejn hemm organizzat trasport għan-Nadur kull nofs siegħa sa nofs-il-lejl mir-Rabat u mill-Imġarr u viċi versa. Miċ-Ċirkewwa se jkun hemm night buses għal kull post f’Malta f’dawn il-jiem għal prezz ta’ €2.50.

More in G?awdex