Passiġġieri jinjoraw ir-regoli fuq il-Gozo Channel

F’każ ta’ nar il-bibien tal-garaxx awtomatikament jissiġġillaw ruħhom

Żgur li l-inċident li ġara fuq il-vapur ta’ Għawdex, l-MV Gaudos nhar il-Ġimgħa fejn trakk li kien sejjer Għawdex inqata’ mill-irbit tiegħu u nqaleb, għandu jiftaħ għajnejn il-passiġġieri li jivjaġġaw kuljum bil-karozzi tagħhom.

Dan l-inċident żgur li għandu jġib f’sessihom lil dawk il-passiġġieri li jinjoraw ir-regoli miktuba b’ittri kbar fil-garaxxijiet tal-vapuri tal-Gozo Channel. Regoli li jitolbu lil passiġġier biex ma joqogħdux fil-garaxx fil-karozzi tagħhom. Iżda hi regola kważi injorata għal kollox filwaqt li mhix infurzata mill-istess awtoritajiet tal-vapuri. Tant li f’kull traġitt wieħed jista’ jilmaħ lil kważi kwart ta’ dawk li jkunu qed jaqsmu bil-karozza li jibqgħu fl-istess karozza.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ wieħed mill-kaptani li qal li hemm periklu ieħor li jista’ jiġri u ħadd mhu qed jagħti kasu, li f’każ ta’ nar il-bibien tal-garaxx awtomatikament jissiġġillaw ruħhom u b’hekk iħalli lil dawk l-passiġġieri fil-garaxx maqbuda hemm isfel fin-nar.

Il-kaptan insista li l-passiġġieri jridu jdaħħlu f’moħħhom li r-regoli ma jsirux għalxejn. “Li kieku t-trakk li nqaleb nhar il-Ġimgħa kien ħdejn karozza b’passiġġier jew passiġġieri fiha (bħal ma jiġri f’ħafna każi) kieku llum qed niktbu mod ieħor. Kieku llum qegħdin nippuntaw subgħajna lejn dak u l-ieħor għal traġedja li tkun seħħet.”

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

More in G?awdex