L-Anniversarju tat-traġedja bejn il-gżejjer

66 sena ilu f’Għawdex seħħet l-agħar traġedja tal-baħar li wasslet biex 24 persuna tilfu ħajjithom

Il-Ministru flimkien ma’ qraba u mistednin distinti tefgħu fjuri fil-baħar
Il-Ministru flimkien ma’ qraba u mistednin distinti tefgħu fjuri fil-baħar

66 sena ilu f’Għawdex seħħet l-agħar traġedja tal-baħar li wasslet biex 24 persuna tilfu ħajjithom waqt il-vjaġġ traġiku bejn Malta u Għawdex fit-30 ta’ Ottubru tal-1948.

Din id-diżgrazzja, li hija l-ikbar traġedja li seħħet f’Għawdex wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ġrat meta luzzu mgħobbi bil-passiġġieri, fosthom żewġ pulizija u mara, flimkien ma’ żewġ membri tal-ekwipaġġ, kienu telqu mill-Marfa għal Għawdex minkejja l-maltemp u l-baħar qawwi. Minn dak it-traġitt, li ntemm ħesrem qrib il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, wara li l-luzzu nqaleb bil-mewġ qawwi, kienu biss erba’ passiġġieri li rnexxielhom isalvaw billi għamu sal-kosta.

Din it-traġedja ġiet ikkommemorata waqt ċerimonja ppreseduta mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo abbord il-vapur MV Gaudos. Saret ċerimonja qasira fuq l-istiva tal-vapur, fejn il-Ministru Anton Refalo, flimkien ma’ mistednin distinti u qraba ta’ wħud mill-vittmi, tefgħu l-fjuri fil-baħar fil-post fejn seħħet it-traġedja, bħala sinjal ta’ tifkira u rispett. 

More in G?awdex