Żieda ta’ 10% fl-operazzjonijiet f’Għawdex

Żieda ta’ ’l fuq minn 200-il operazzjoni aktar mis-sena 2013

Chris Fearne waqt iż-żjara tiegħu fl-isptar ta’ Għawdex
Chris Fearne waqt iż-żjara tiegħu fl-isptar ta’ Għawdex

“Ir-riżultati fil-qasam tas-saħħa, qed iħallu wkoll id-differenza fil-ħajja tal-familji Għawdxin.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne waqt laqgħa mat-tmexxija maniġerjali tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn ġiet diskussa l-ħidma fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex f’dawn l-aħħar xhur, li rreġistra titjib kemm fis-servizzi ġodda u dawk stabbiliti.

Fil-fatt, bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kien hemm żieda ta’ 10% fl-operazzjonijiet li saru meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Dan wassal għal total ta’ 2,211-il operazzjoni li tfisser żieda ta’ ’l fuq minn 200-il operazzjoni aktar mis-sena 2013. L-aktar setturi prominenti li fihom kienet immarkata żieda kienu, fil-qasam tal-Endoskopija li rreġistra żieda ta’ 150 operazzjoni, il-Colo-Rectoral Screening Programme li rreġistra żieda ta’ 70 intervent u l-ENT li din is-sena rat żieda ta’ 40 operazzjoni.

Chris Fearne feraħ lit-tmexxija ta’ dan l-isptar għal din il-ħidma effettiva u rrimarka r-riżultati li nkisbu fis-servizzi ġodda li ddaħħlu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’dawn l-aħħar xhur. Hu semma li fost oħrajn id-Day Care Unit fejn s’issa diġà bbenefikaw mis-servizzi tagħha aktar minn 750 pazjent. Semma wkoll is-servizz tal-kimoterapija f’Għawdex li gawdew minnu madwar 60 pazjent u li fiż-żmien li ġej dan se jkun estiż biex jibda jinkludi wkoll il-qasam tal-prostata. 

Tkellem ukoll dwar il-ftuħ tal-pain clinic, is-servizzi ġodda fir-rheumatology u teknoloġija ġdida fil-qasam tal-kolonoskopija virtwali fejn 112 il-pazjent diġà gawdew minn CT scan li joħroġ ritratt 3D dettaljat tal-musrana l-kbira mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura invasiva fil-pazjent.

“Dawn ir-riżultati juru l-bżulija tagħna biex il-pazjent Għawdxi jingħata kura tal-ogħla livell f’Għawdex stess,” stqarr Chris Fearne filwaqt li nnota li dawn ir-riżultati pożittivi kienu possibbli li jinkisbu grazzi għall-investiment fir-riżors uman li wassal biex jiżdiedu l-ħinijiet li fihom isiru l-operazzjonijiet, li jibda jitħaddem it-tielet teatru tal-operazzjonijiet u li wassal ukoll biex jiġu estiżi s-servizzi offruti speċjalment dawk fl-outpatients bħad-dermatoloġija, kardjoloġija, kirurġija ġenerika, oftalmoloġija u ortopedija.

Fi tmiem iż-żjara Fearne rringrazzja l-ħaddiema kollha tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex għad-dedikazzjoni tagħhom biex il-pazjent Għawdxi jingħata l-aħjar servizz possibbli.

More in G?awdex