Inbid Għawdxi rebbieħ fl-Ewropa

Id-dwieli tal-massar joffrulna tliet varjetajiet ta’ inbid, is-San Giovese (aħmar), is-Sirkusan (Nero d’Avola aħmar) u l-vermentino (abjad)

Marisa u Anthony Hili huma produtturi ta’ inbid hekk imsejjaħ ‘state of the art’ inbid fin li rebaħ diversi midalji ta’ prestiġju kbir fl-Ewropa, imfittex minn ħafna turisti u barranin li jgħixu Malta u Għawdex, iżda xejn mhu popolari mal-Maltin u Għawdxin.

Dan qalituli Marisa meta flimkien konna qed induru d-dwieli li għandhom fuq 14-il tomna art f’Tal-Massar fl-Għarb. Filwaqt li żewġha Anthony iltqajt miegħu fejn jinħadem l-inbid fix-Xagħra li wrieni l-mod kif jingħasar u jinħadem dan l-inbid ta’ kwalità għolja immens li fil-fatt il-prezz tiegħu hu wkoll għoli. Anthony qalli li jiddispjaċih li qatt ma biegħ dan l-inbid lil xi ħadd Għawdxi u l-Maltin li jfittxuh “tgħoddhom fuq id waħda.” 

Fil-fatt kien grazzi għall-internet, Facebook u Trip Advisor li dan l-inbid imur tajjeb. Fil-fatt 8 snin ilu meta ħareġ għall-bejgħ, ir-ristoranti Għawdxin ma ridux ibigħuh għax riedu flus għal kuntratti u kien baqagħlhom 5,000 flixkun ma’ wiċċhom. Kien biss 5 snin ilu li minn fuq l-internet kienu waslu żewġ Żvediżi li marru jaraw id-dwieli u xtraw l-ewwel fliexken tal-inbid. Minn hemm it-turisti u l-barranin baqgħu jmorru bi ħġarhom u dan l-inbid sar popolari ħafna minħabba l-kwalità għolja tiegħu.

Fil-fatt sentejn ilu dan l-inbid rebaħ il-midalja tal-bronż fiċ-Challenge International du Vin fi Franza, minn fost 5,000 kampjun minn 35 pajjiż u dis-sena it-Tanit Vermentino rebaħ il-midalja tal-fidda fl-International Wine Guide fi Spanja minn 2,000 kampjun minn 30 pajjiż differenti.

Dawn is-suċċessi komplew isaħħu l-isem ta’ dan l-inbid mal-konoxxenti tal-inbid madwar id-dinja.

X’jagħmel dan l-inbid speċjali?

Id-dwieli tal-massar joffrulna tliet varjetajiet ta’ inbid, is-San Giovese (aħmar), is-Sirkusan (Nero d’Avola aħmar) u l-vermentino (abjad).

Dawn id-dwieli jinqatgħulhom il-weraq fuq in-naħa t’isfel tad-dwieli biex l-umdità u l-moffa griża titfejjaq mix-xemx innifisha u mhux bil-kimika. B’hekk l-għenba li minnha jsir l-inbid ma jkolliex kimika u tkun naturali. Barra hekk f’kull żarġun (dak iz-zokk li miegħu jitilgħu l-għenieqed tal-għeneb) jkun hemm xenxul (għanqud) wieħed ħalli l-għenba tkun ixxamplata. U dawn jinqatgħu bl-idejn minn erba’ min-nies ħalli x-xogħol isir b’mod kawt u l-għeneb jibqa ta’ kwalità għolja.

Dan l-inbid hu liberu minn erbiċidi u insettiċidi. Anke li jinqata’ bl-idejn jgħolli l-livell ta’ dan l-inbid.

Interessanti wkoll li fejn jinsabu d-dwieli l-ħamrija hi bajjad xaħxi, bajjad għax hi magħmula mill-ġebla franka u xaħxi għax għandha perċentwal għoli ta’ ġir u mingħajr tafal. Hu għalhekk li l-ilma tax-xita jibqa’ għaddej. Dan jitfa’ lid-dielja taħt stress għax trid taħdem aktar billi l-ġir jaqbad in-nutrijenti u ma jħalllix lid-dielja tieħu wisq minnhom. Din għalhekk trid taħdem iżjed biex tagħti l-frott u b’hekk il-frott jkun aktar bnin u ta’ kwalità. “Inqas kwantità iżda aktar kwalità” qalli Anthony.

Sadattant rajt kif isir l-għasir tal-għeneb fejn qalli li hi l-qoxra li tagħti l-kulur u mhux l-għenba nnifisha. L-aħmar jingħasar bil-qoxra, bil-pula u biż-żerriegħa b’kollox u l-abjad jippressah biex jeħodlu l-meraq biss. Il-magna tal-għasir tiegħu hi waħda b’teknoloġija antika iżda li tagħti aktar kwalità għax tieħu biss 55% tal-meraq u tħalli liberu mill-proteini u b’hekk jiffranka dak il-kulur imċajpar li trid iddewmu jistrieħ biex imur. “Il-magni moderni jieħdu volum akbar minn għenba iżda l-kwalità mhux għolja daqs l-inbid tagħna. L-inbid anqas ma tbagħbsu aktar ikun ta’ kwalità għolja.”

Anthony qalli li hu jħobb jesperimenta fejn l-inbid ħelu jsir f’kartell magħmul miċ-cherry wood u l-aħmar ‘dry’ f’kartell tal-‘oak wood’. Krietel li jridu jinbidlu kull ħames snin.

L-aħmar idum sentejn ma jsir għalkemm urieni inbid li ilu 4 snin biex sar. “Tkun taf li sar billi dduqu u meta tħossu li jiġbidlek ħalqek ifisser li għadu ma ffermentax biżżejjed.”

Il-koppja Marisa u Anthony l-aktar li jmexxu hu l-inbid abjad u Rose fejn jipproduċu u jbiegħu 1,000 flixkun minn kull varjetà u l-aħmar joħroġ bil-mod. Però l-aħmar ma jinkwetahomx li jdum minħabba li aktar ma jdum aktar jiffermenta u l-abjad aktar minn sentejn ikun tilef il-benna tiegħu.

L-inbid jinbiegħ bejn €12 u €15-il wieħed, “hawn min jgħidilna li jiswa daqs flixkun whisky, iżda dan hu nbid ta’ klassi għolja. Jiddispjaċini li sew Malta kif ukoll Għawdex ftit hawn kultura ta’ nbid ta’ kwalità. Il-prezz jagħmel id-differenza tbiegħux jew le.”

Fil-fatt dan l-inbid juża biss tappijiet tas-sufra li jiswew 0.39ċ u mhux tal-plastik li jiswew 0.03ċ. Fil-‘winery’ għandhom laboratorju żgħir fejn jiġi ċċekkjat l-kubrit fl-inbid.

More in G?awdex