Eko Għawdex magħżula bħala entità ta’ eċċellenza

Eko Għawdex ġiet magħżula bħala entità ta’ Eċċellenza Nazzjonali fil-European Business Awards

Eko Għawdex ġiet magħżula bħala entità ta’ Eċċellenza Nazzjonali fil-European Business Awards. Kompetizzjoni prestiġjuża appoġġjata minn mexxejja tan-negozju, akkademiċi, il-mezzi tax-xandir u rappreżentanti politiċi minn madwar l-Ewropa u sponsorjata minn RSM International. Il-prinċipji li tirrikonoxxi din il-kompetizzjoni huma l-innovazzjoni, l-etika u s-suċċess finanzjarju.

L-ILLUM talab kumment lid-direttur tal-Eko Għawdex Anthony Zammit li mexxa dan id-dipartiment minn meta nħoloq mill-amministrazzjoni ta’ qabel. “It-tim kollu li jaħdem f’dan id-direttorat iħossu kburi b’din in-nomina li hi riżultat tal-isforz li qed tagħmel il-komunità Għawdxija kollha biex intejbu l-qagħda f’din il-gżira tagħna u narawha tilħaq livell ogħla ta’ sostenibbilità.

“Fl-istess waqt, dan l-għarfien hu konferma li l-istrateġija adottata mill-Ministeru għal Għawdex fir-rigward Eko Għawdex hi waħda tajba u qed tħalli r-riżultati. Dan ir-rikonoxximent jimla lit-tim kollu b’kuraġġ u determinazzjoni biex naħdmu aktar fil-futur.”

Din hija t-tmien sena li fiha qed jingħataw il-European Business Awards u din is-sena pparteċipaw aktar minn 24,000 negozju minn 33 pajjiż Ewropew. Minn dawn, 709 kumpaniji ġew innominati bħala entitajiet ta’ eċċellenza nazzjonali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Dawn il-kumpaniji issa huma eliġibbli li jgħaddu għat-tieni fażi ta’ din il-kompetizzjoni. 

Il-premju għas-Sostenibbiltà Ambjentali u Korporattiva jevalwa l-operazzjonijiet tan-negozju f’kuntest soċjali, kulturali, ekonomiku u ambjentali. In-nominati jħaddnu bħala valuri prinċipali tagħhom kwistjonijiet marbutin mal-konsumatur, mal-impjegati u mal-ekoloġija.

More in G?awdex