Djoċesi li tat kontribut kbir lis-soċjetà

minn Dun Daniel Xerri

Il-Quddiesa Pontifikali li ġiet iċċelebrata fil-Katidral ta’ Għawdex biex tfakkar din il-ġrajja
Il-Quddiesa Pontifikali li ġiet iċċelebrata fil-Katidral ta’ Għawdex biex tfakkar din il-ġrajja
Is-Seminarju t’Għawdex
Is-Seminarju t’Għawdex

Nhar it-Tlieta 16 ta’ Settembru 2014, id-Djoċesi ta’ Għawdex iċċelebrat il-150 sena mit-twaqqif tagħha. Kien il-Papa Piju IX li waqqaf lil Għawdex bħala djoċesi permezz tal-Bulla Singulari Amore, bid-data tas-16 ta’ Settembru 1864. Matul dawn il-150 sena l-Knisja f’Għawdex tat kontribut kbir lis-soċjetà. Hekk qal l-Isqof Mario Grech fl-omelija tiegħu waqt il-Quddiesa Pontifikali li ġiet iċċelebrata fil-Katidral ta’ Għawdex biex tfakkar din il-ġrajja. Hija tat kontribut mhux biss fil-qasam reliġjuż imma wkoll fil-qasam politiku, soċjali u kulturali, fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni, fil-qasam tal-karità u tal-familja.

Element essenzjali li permezz tiegħu d-Djoċesi ta’ Għawdex ikkontribwiet f’dawn l-oqsma tal-ħajja kien bla dubju n-numru sabiħ ta’ vokazzjonijiet li dejjem kellha, mhux biss fil-ħajja saċerdotali imma wkoll fil-ħajja kkonsagrata, reliġjuża u missjunarja. 

Tajjeb ngħidu li sentejn biss wara t-twaqqif tad-Djoċesi, fl-4 ta’ Novembru 1866, infetaħ is-Seminarju Djoċesan, kif kien stipulat diġà fl-istess Bulla Singulari Amore ta’ Piju IX. Matul dawn il-mija u ħamsin sena ħarġu minn dan is-Seminarju sitt mija u tlettax (613)-il saċerdot, jiġifieri medja ta’ erba’ saċerdoti jew aktar fis-sena. Ikkunsidrata l-popolazzjoni żgħira li Għawdex dejjem kellu, dan in-numru jissorprendi tabilħaqq meta mqabbel ma’ djoċesijiet oħra ħafna akbar fid-dinja! 

Minn dawn is-saċerdoti ħafna taw jew għadhom jagħtu s-servizz tagħhom f’artijiet oħra, fi djoċesijiet imxerrda mal-ħames kontinenti. Huwa kbir ukoll in-numru ta’ missjunarji li qdew jew għadhom jaqdu l-missjoni tagħhom f’artijiet tat-tielet dinja. Attwalment għandna missjunarji fil-Brażil, fil-Perù u fil-Gwatemala, kif ukoll fl-Albanija. Saċerdoti oħra msefrin li qed jaqdu l-missjoni tagħhom fi djoċesijiet oħra jinsabu fl-Italja, l-Istat tal-Vatikan, l-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, ir-Renju Unit u oħrajn. Ta’ min jgħid ukoll li l-Isqof ta’ Juticalpa fil-Honduras, Patri Joe Bonello OFM, huwa wkoll iben id-Djoċesi Għawdxija. 

Mill-1994, is-Seminarju ta’ Għawdex huwa affiljat mal-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Aquino (Angelicum) f’Ruma. Is-seminaristi għalhekk itemmu l-istudji tagħhom qabel l-Ordinazzjoni bil-Baċellerat fit-Teoloġija minn din l-università. Ħafna minnhom, imbagħad, ikomplu l-istudji tagħhom anki wara l-Ordinazzjoni, fejn jiksbu l-Linċenzjat jew id-Dottorat minn universitajiet pontifiċji jew universitajiet kbar oħra, u hekk ikomplu jagħtu l-kontribut tagħhom fil-qasam tar-riċerka filosofika u teoloġika u oqsma oħra, bħalma huma x-xjenzi naturali. Ħafna saċerdoti taw u għadhom jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tagħlim mhux biss fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex imma wkoll fl-Università ta’ Malta, f’universitajiet pontifiċji f’Ruma u f’universitajiet oħra fid-dinja, fosthom l-Istati Uniti. 

Minbarra dawk imsefrin, attwalment fid-Djoċesi ta’ Għawdex huma preżenti madwar 140 saċerdot djoċesan li qed jagħtu s-sehem tagħhom fid-diversi parroċċi, fl-iskejjel tal-Knisja u dawk statali, fl-isptarijiet, fid-djar tal-karità u f’oqsma oħra li jolqtu l-familja u s-soċjetà. Barra minn dawn, huma preżenti wkoll fid-djoċesi sitt idjar ta’ reliġjużi maskili u sitt idjar oħra ta’ reliġjużi femminili, kif ukoll monasteru tal-klawsura. Dawk maskili jinkludu dawn l-Ordnijiet: il-Patrijiet Franġiskani Minuri, Konventwali u Kapuċċini, il-Patrijiet Agostinjani u Ġiżwiti, u l-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Dawk femminili jinkludu s-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, l-Agostinjani, il-Karmelitani, is-Salesjani, id-Dumnikani u dawk tal-Karità. Bħala stil ta’ ħajja kontemplattiva fil-klawsura hemm is-Sorijiet Klarissi. Barra dawn, diversi membri oħra wlied il-gżira Għawdxija ħaddnu l-ħajja kontemplattiva u jinsabu f’monasteri oħra sew fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u sew barra minn xtutna.

Fid-Djoċesi ta’ Għawdex huma preżenti wkoll diversi suriet ta’ ħajja lajka kkonsagrata, fosthom il-Komunità Anawim, Le Spigolatrici della Chiesa, l-Ordo Virginum, il-Piccola Famiglia Francescana u l-Volontarji ta’ Don Bosco. 

Ta’ min isemmi wkoll li tnejn minn dawn l-Ordnijiet kellhom il-fundaturi tagħhom propju Għawdxin: is-Sorijiet Dumnikani twaqqfu minn Karolina Cauchi (1889) u s-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù minn Madre Margerita De Brincat (1880), illum Venerabbli. Ta’ min jgħid ukoll li riċentement id-Djoċesi ta’ Għawdex tat bidu għall-Kawża tal-Beatifikazzjoni ta’ wieħed mis-saċerdoti tagħha, Dun Mikiel Attard, min-Nadur. 

Quddiem dan ix-xenarju kollu, id-Djoċesi ta’ Għawdex tħoss li għandha tabilħaqq għax trodd ħajr lil Alla għal tant grazzji li sawwab fuqha f’dawn il-150 sena tal-eżistenza tagħha, waqt li tħares ’il quddiem b’fiduċja, imqanqla mill-eżempju ta’ tant uliedha li taw xhieda sabiħa għall-Vanġelu. Mhux biss il-Knisja, imma anki l-istess soċjetà Maltija u Għawdxija għandha għax tkun rikonoxxenti lejn dak kollu li d-Djoċesi ta’ Għawdex, fiċ-ċokon tagħha, offriet lill-bniedem u lis-soċjetà ta’ pajjiżna f’kull żmien. 

Min-naħa tagħha, il-Knisja li hi f’Għawdex trid tkompli tkun “il-melħ tal-art” u “id-dawl tad-dinja”, skont il-missjoni li rċeviet mingħand l-Imgħallem tagħha Ġesù Kristu. Hija trid tkun dik il-“ftit ħmira” li tgħolli u tagħti t-togħma lill-għaġna kollha, u għalhekk qed timpenja ruħha biex tkompli taqsam mal-bniedem tal-lum il-ferħ u n-niket, it-tħassib u t-tamiet tiegħu, kif tenna l-Isqof Mario Grech fl-omelija msemmija.

More in G?awdex