3,000 persuna jżuruha f’erba’ xhur - 300 il-Ħadd li għadda

Id-Dar ta’ Karmni Grima

Id-dar ta’ Karmni Grima, bidwija li mietet ta’ 84 sena
Id-dar ta’ Karmni Grima, bidwija li mietet ta’ 84 sena
Il-veduta li kienet tara filgħodu Karmni, flok il-kappella llum hemm is-Santwarju ta’ Pinu
Il-veduta li kienet tara filgħodu Karmni, flok il-kappella llum hemm is-Santwarju ta’ Pinu

Karmni Grima hi x-xebba mill-Għarb li meta kellha 45 sena fit-22 ta’ Ġunju tal-1883 hi u sejra lura d-dar mill-għelieqi tal-familja tagħha semgħet il-leħen tal-Madonna ta’ Pinu ssejħilha u tgħidilha ‘Ejja, Ejja’ biex tidħol fil-kappella ċkejkna magħrufa dak iż-żmien bħala ‘Tal-Ġentili’. Kif daħlet quddiem l-inkwatru talbitha tgħid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlitt ijiem li l-ġisem tal-Madonna dam fil-qabar.

Din il-ġrajja sawret kult ta’ devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pinu fejn eluf ta’ pellegrini minn Malta u Għawdex u anke barranin bdew jintasbu quddiem dan l-inkwatru mirakoluż jittamaw f’serħan tal-qalb jew anke xi miraklu li jeħlishom mill-imrar li taf toffri l-ħajja minn żmien għal żmien.

Grazzi għal din ix-xebba din il-kappella tal-Ġentili nbidlet fis-santwarju l-ġdid fit-13 ta’ Diċembru 1931. Santwarju mfittex minn eluf bil-Madonna tiġi nkurunata fl-1935 mill-Kardinal Alessio Lecipier.

Iżda biex wieħed jifhem kif inbeda dan il-kult Marjan f’Għawdex, wieħed irid bilfors iżur din id-dar sempliċi li fiha twieldet, trabbiet u mietet meta kellha 84 sena, din ix-xebba.

Anke jekk int persuna li ma temminx fil-ġrajjiet li jingħad li seħħu f’din id-dar, xorta l-mużew innifsu hu interessanti. Għax barra l-ġrajja li wieħed jista’ jgħixha b’mod mill-aktar dettaljat, wieħed isib kif kienet il-ħajja tal-bdiewa Għawdxin fis-seklu 19.

Iddeċidejt li mmur nagħmel żjara lil din id-dar fejn biex idawwarni magħha kien hemm il-persuna li reġa’ fetaħ din id-dar għal pubbliku f’April li għadda, Dun Gerard Buhagiar li għal dawn l-aħħar sitt snin hu r-rettur tas-Santwarju ta’ Pinu.

Mhux għax kelli bżonn il-gwida ta’ Dun Gerard biex inżur din id-dar, għax fil-fatt min jiddeċiedi li jżur id-dar kulma għandu jagħmel hu li jħallas €3 u jkollu gwida ta’ awdjo inkluż li bi kliem mirqum tajjeb, miktub mill-istess Dun Gerard, ikun jista’ jsegwi l-ħajja storika u l-ħajja tal-bidwi Għawdxi.

Iżda Dun Gerard għeni nifhem eżatt dak li qed nara u dak li hemm f’dan ir-razzett li jkolli nammetti li hu mdaqqas sew. Wieħed ma jridx jinsa li Tumas u Antonja Grima (il-ġenituri ta’ Karmni) kellhom ħames ulied oħra li kienu jgħixu kollha f’dan ir-razzett. Wieħed jista’ jara l-attrezzamenti kollha li wieħed seta’ jsib f’razzett fejn kienet tgħix familja tal-bdiewa. L-għodda tal-bdiewa, il-kċina u l-forn, l-għamara tas-seklu 19, is-sodda ta’ Karmni u s-siġġu minfejn kienet toqgħod meta tkellimha l-Madonna. Xi ħaġa li laqtitni ferm kienu l-istatwetti u l-pasturi li Karmni kienet tagħmel, fejn kellha talent sabiħ biex tiskultura wkoll. Il-magna tan-newl li biha Karmni kienet taħdem il-ħwejjeġ tal-familja tagħha.

Filwaqt li x-xenarju li kienet imdawra bih il-familja ta’ Karmni hu wieħed li jagħtik nifs ġdid, speċjalment laqtitni pittura li hemm fil-kamra tas-sodda tagħha ta’ kif kienet tara l-kappella meta tqum mis-sodda. Illum wieħed jista’ jara l-istess veduta (anke l-fanal tal-Ġordan) bid-differenza li flok kappella hemm is-Santwarju.

Wara din ż-żjara tkellimt ma’ Dun Gerard li qalli li kemm ilu miftuħ dan il-mużew żaruh madwar 3,000 persuna mqassmin hekk 

April - 431, Mejju - 737, Ġunju – 1,124 (ix-xahar tal-festa ta’ Pinu) u Lulju - 757. Nhar il-Ħadd li għadda l-mużew kien miftuħ għal pubbliku u żaruh madwar 300 persuna. 

“Nixtieq li jżuruh iżjed nies,” qalli Dun Gerard, “turisti barranin ftit jew xejn iżuruh għax il-gwidi jkunu jridu l-kummissjoni u jien ma nagħtix kummissjoni mill-ftit li nitolbu. Anke diversi Maltin ġieli jiġu u meta tgħidilhom li jridu jħallsu jitilqu ’l barra sfortunatament. Ġieli jiġu b’kowċ u meta jaraw li jridu jħallsu nofshom jerġgħu jitilgħu fil-kowċ” temm Dun Gerard.

Jien esperjenzajt din iż-żjara u niggarantilkom li t-€3 li tħallas ikunu l-aktar €3 minfuqin tajjeb!

More in G?awdex