Tug-of-war bejn il-Kurja u l-Kunsill

Il-Pjazza t’Għajnsielem se tibqa’ qisha ‘mandra’?

Il-Pjazza ta’ Għajnsielem, deskritta mis-sindku tar-raħal bħala ‘pjazza mandra’
Il-Pjazza ta’ Għajnsielem, deskritta mis-sindku tar-raħal bħala ‘pjazza mandra’

Għajnsielem hi l-ewwel art li wieħed isib meta jinżel il-port tal-Imġarr. Bla dubju li int u tiela’ mill-port l-aktar ħaġa li toqltok hi l-kampnar Gotiku ta’ din il-knisja li jgħamilha unika f’Għawdex. Kulmin iżur din il-pjazza jista’ jinnota li hi l-akbar pjazza f’Għawdex, imżejna b’żewġ każini mill-isbaħ, dak tal-banda u l-ieħor tal-futbol, fejn wieħed jista’ jgawdi l-kampanja Għawdxija, il-fliegu b’Kemmuna u Malta quddiemek u l-fortizza ta’ Chambray. Iżda dik li suppost hi l-ġojjell ta’ Għajnsielem hi pjazza żdingata li l-istess sindku tar-raħal jsejħilha, “pjazza mandra”.

“Il-Knisja dejjem twegħedna li se tissottometti l-kuntratt u baqgħet ma ssottomettiet xejn”

Iltqajna mas-Sindku, Frances Cauchi li deher iddiżgustat immens għal mod żdingat tal-pjazza u dan qalilna li hu u l-kunsill ta’ Għajnsielem ilhom jaħdmu madwar seba’ snin biex isir proġett ta’ tisbiħ tal-pjazza li jiswa madwar nofs miljun ewro u li l-fondi għalih kienu maħsuba wkoll. 

“Anke l-pjanta maħduma mill-Perit Għajnselmiż, Godwin Sultana hi lesta,” qalilna s-Sindku li ilu jmexxi il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem sa mill-bidu nett, jiġifieri 20 sena sħaħ.

“L-istorja tal-pjazza hi storja twila ta’ ’l fuq minn sitt snin u nofs u madwar 100 laqgħa bejn il-Kunsill, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi u l-ministeru għal Għawdex tal-amministrazzjoni ta’ qabel. Anke l-MEPA ħarġet il-permess għal dan il-proġett. Kien se jiswielna €400,000 li kienu se jitħallsu bejn il-Kunsill u l-Ministeru għal Għawdex u l-Knisja ma kienet se tħallas xejn. Dan kollu bil-patt li jsir ftehim b’kuntratt fejn il-Knisja tagħti l-approvazzjoni biex isir il-proġett fil-pjazza (zuntier) u li din tibqa’ proprjetà tal-Knisja.”

Iz-zuntier li jifforma l-pjazza nnifisha hu proprjetà tal-Knisja. Jidher ukoll li waħda mir-raġunijiet li bejn il-Knisja u l-kunsill bdew it-trikki trakki kienet li l-Knisja ma riditx li jsir GħajnsielemFest quddiem il-knisja. Iżda din id-darba jidher li kien hemm qbil, skont is-Sindku, li biex isir il-proġett il-Knisja kienet se tintrabat li tħalli dan il-festival annwali jsir fil-pjazza.

“Peress li kien se jsir il-kuntratt, aħna bħala kunsill,” kompla jgħidilna s-Sur Cauchi, “u anke l-Ministeru ta’ Għawdex ridna li l-Knisja ġġib il-kuntratt oriġinali tagħha li juri li l-pjazza hi fil-fatt proprjetà tagħha għax il-ftehim kien se jsir fuq Public Private Partnership. Għal aktar minn sitt snin u nofs bqajna niltaqgħu u l-Knisja dejjem twegħedna li se tissottometti l-kuntratt u baqgħet ma ssottomettiet xejn. Kienet ġejja l-elezzjoni u l-ministeru ddeċieda li jabbanduna l-proġett u aħna bħala kunsill konna se nitilfu l-fondi ta’ madwar €200,000 mill-UIF. Erġajna tlabna lill-Knisja biex iġġib il-kuntratt u bqajna mingħajr risposta u b’hekk il-kunsill għażel li juża dawk il-flus biex isebbaħ il-Belvedere kif fil-fatt qed isir.”

Frances Cauchi kien jidher imbaqbaq u wera biċ-ċar li dan il-proġett tal-pjazza ta’ Għajnsielem kienet il-ħolma vera tiegħu u tal-Għajnselmiżi, “Għax kulmin jiġi Għajnsielem, anke l-barranin kulħadd jaħseb li l-kunsill ta’ Għajnsielem m’għamel xejn biex isebbaħ l-isbaħ pjazza ta’ Għawdex. U mhux ġust għax aħna kellna kollox preparat bil-fondi b’kollox. Il-kundizzjoni tal-pjazza kif inhi fil-preżent qisha ‘mandra’ u dan ir-raħal tant sabiħ ma jixraqlux hekk, però minħabba r-ras iebsa ta’ xi ħadd, il-kunsill qed ibati l-konsegwenzi ta’ ħafna għajdut li r-raħal hu żdingat tort tal-kunsill li m’għamilx il-pjazza meta fil-fatt kienet il-Knisja li ma waslitx f’kompromess mal-kunsill u mal-Ministru tal-amministrazzjoni ta’ qabel. Nispera li kont ċar iżda dan kollu li għidt hu l-verità,” temm is-sindku ta’ Għajnsielem.

“Kien jidher ċar li bejn il-kunsill ta’ Għajnsielem u l-kurja kien hemm battalja”

Sadattant il-ġurnal ILLUM għamel l-istħarriġ tiegħu dwar din il-kwistjoni li dehret ċara li kienet battalja jew nuqqas ta’ ftehim bejn il-Knisja u l-kunsill. Jidher li taħt l-amministrazzjoni l-ġdida nbdew xi forma ta’ diskussjonijiet bejn il-Knisja u l-Ministeru għal Għawdex. Sirna nafu li fl-aħħar xhur saru taħdidiet u konna infurmati li l-kuntratt tal-pjazza tfaċċa u dan juri li l-art hi tal-Knisja u ntlaħaq ftehim li l-pjazza se ssir fuq pjanta tal-istess Perit Godwin Sultana u se ssir bejn il-Gvern u l-Kurja fejn il-gvern se joħroġ €150,000.

Minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom sirna nafu li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija ssir laqgħa pubblika fejn se tkun preżentata l-pjanta tal-pjazza qabel tiddaħħal l-applikazzjoni l-MEPA. F’din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni li se jkun mistieden anke l-kunsill għaliha, se jkunu mistiedna wkoll l-għaqdiet kollha u l-popolazzjoni ġenerali.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li lejn l-aħħar ta’ Awwissu, fi żmien il-festa tar-raħal se jkun iffirmat il-ftehim bejn il-Kurja u l-Ministeru għal Għawdex fejn se tingħata l-ewwel parti tal-għotja finanzjarja mill-gvern lill-kurja biex jinbeda x-xogħol fuq il-pjazza.

Fil-fatt fl-aħħar xhur kien iffirmat ftehim simili max-Xagħra ta’ €110,000 biex isir tisbiħ tal-pjazza tar-raħal.

Kien jidher ċar li bejn il-kunsill ta’ Għajnsielem u l-kurja kien hemm tug-of-war u għalhekk il-Ministeru għal Għawdex ħass il-ħtieġa li ma jħallix din il-pjazza tibqa’ ‘mandra’ u jidħol hu għal dan il-proġett u jsir mingħajr ma l-kunsill ma joħroġ flus. Sorsi mill-kurja qalulna li diġà kien iffirmat ftehim mal-Isqof ta’ Għawdex dwar il-qbil li jsir il-proġett tal-pjazza.

Tgħid il-poplu Għajnselmiż kien imċaħħad mit-tisbiħ tal-pjazza minħabba rjus iebsa? Minħabba piki politiċi? Kien x’kien il-każ jidher li forsi l-Festa tal-Madonna ta’ Loretu f’Għajnsielem tiftaħ il-bieb biex fl-aħħar l-Għajnselmiżi jkollhom pjazza li tixraq lil wieħed mill-isbaħ rħula f’Għawdex.

More in G?awdex