Anton Refalo jwiegħed il-bini ta’ SME park għal 40 negozju

Iċ-ċentru maħsub biex Għawdex ukoll ikollu ċentru rinomat għan-negozji li jispeċjalizzaw fil-qasam tar-riċerka, IT u servizzi professjonali

F’laqgħa mal-kamra tal-kummerċ Għawdxija, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ħabbar li diġà bdew preparazzjonijiet biex jibda jinbena l-SME (Small & Medium Enterprises) Park f’ Għawdex. 

Il-Ministru saħaq kif il-gvern diġà beda jikkollabora mas-settur privat f’dan ir-rigward għax l-istrateġija għal Għawdex hi waħda mmirata biex ittejjeb in-networks tat-trasport kif ukoll li jinstabu spazji f’Għawdex, fejn in-negozji żgħar u medji jkunu jistgħu jiftħu u jkabbru n-negozju tagħhom.

Hu semma’ kif bdiet il-ħidma biex dan l-SME Park li se jkun qed jakkomoda 39 negozju f’sit ta’ 7,800 metru kwadru, jipprovdi l-loġistika adekwata minn fejn negozji żgħar u medji joperaw fi struttura speċifika li sservi kemm għall-bżonnijiet tal-lum kif ukoll dawk tal-futur.

Il-Ministru Refalo qal li biex titkabbar l-ekonomija Għawdxija hemm bżonn li titjieb l-infrastruttura, jiġi inċentivat l-investiment barrani u jinfetħu siti minn fejn in-negozji żgħar u medji jkunu jistgħu joperaw.

Saħaq kif minkejja l-ekonomija Għawdxija hi waħda żgħira, fl-istess nifs toffri opportunitajiet kbar għal investiment kemm għall-investitur lokali kif ukoll dak barrani. 

Il-Ministru għal Għawdex tkellem ukoll fuq il-ħidma biex mill-programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea 2014-2020 jiġi inkluż il-proġett tal-Business Centre. Dan iċ-ċentru tal-eċċellenza hu maħsub biex Għawdex ukoll ikollu ċentru rinomat għan-negozji li jispeċjalizzaw fil-qasam tar-riċerka, IT u servizzi professjonali.

Il-President tal-kamra tal-kummerċ Għawdxija Michael Grech qal li kienu qed jilqgħu l-fatt li l-Gvern qiegħed jagħraf li wasal iż-żmien li jittieħdu l-azzjonijiet. Is-Sur Michael Grech tkellem ukoll fuq il-ħtieġa li tikber l-aċċessibilità għal Għawdex kemm bil-baħar kif ukoll bl-ajru, li jitwettaq il-proġett tal-SME Park kif ukoll ix-xewqa li f’Għawdex ikun hemm aktar upmarket Tourism.

More in G?awdex