Il-Ministru Cardona jżur fabbriki f’Għawdex

Il-ġimgħa li għaddiet ġejt mistieden biex inkun preżenti għaż-żjara li l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona għamel fiż-żona industrijali tax-Xewkija, Għawdex. 
Interessanti kien il-fatt li fejn wieħed dejjem emmen li l-industrija tal-manifattura m’għadhiex tirrendi, l-erba’ fabbriki li żorna kollha se jinvestu iżjed, sew fil-makkinarju kif ukoll fl-impjiegi. Dan juri biċ-ċar li għad hawn post għall-industrija lokali.

Chris Cardona waqt iż-żjara tiegħu fiż-żona industrijali tax-Xewkija
Chris Cardona waqt iż-żjara tiegħu fiż-żona industrijali tax-Xewkija

Fil-fatt, Cardona fisser l-investiment li dawn il-kumpaniji qegħdin jippjanaw li jagħmlu matul l-2014 bħala turija tal-fiduċja li l-privat qed juri fl-ekonomija, fil-ħaddiema u l-politika fil-pajjiż.

L-ewwel laqgħa kienet ma’ Peter Hili, proprjetarju ta’ kumpanija żgħira li timpjega 8 persuni, fosthom lil martu u lil ibnu. Hili, li jagħmel sufanijiet, pultruni mekkaniċi, imtieraħ u quilts, qal li qed jippjana li fi żmien li ġej jinvesti mitt elf ewro u jżid l-impjegati tiegħu b’50%. 

Matul din iż-żjara, il-Ministru ħa l-okkażjoni jkellem lis-sidien tal-kumpanija dwar l-Att għan-negozju tal-familja, liġi innovattiva li qiegħed jaħdem fuqha l-Gvern biex isaħħaħ is-sostenibbilità ta’ dawn in-negozji u jiffaċilita u jinċentiva t-trasferiment tagħhom meta jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra, ħalli dawn in-negozji jiġu kkonsolidati u mhux frammentati. 

Peter Hili kien kburi wkoll b’sufan li l-kumpanija għadha kif għamlet fejn inkorporat fih hemm sistema ta’ mużika surround, u jkollok fejn tpoġġi l-ipod. L-istess sistema wieħed jista jużaha għat-televiżjoni permezz tal-bluetooth. Sufan b’sistema li f’Malta għad m’hawnx. Meta tkellimna mas-Sur Hili dan qalilna li l-akbar suq tiegħu hu dak lokali. 

Wara żorna l-kumpanija Pamargan Poducts, li wkoll hija stabbilità fiż-żona industrijali tax-Xewkija. Tkellimt mal-operations manager Christabelle Cutajar li qaltli kif din il-kumpanija hi parti minn kumpanija multinazzjonali Franċiża, u attwalment timpjega 120 impjegat u fl-2013 iġġenerat 5 miljun ewro. Matul l-2014 din il-kumpanija qed tippjana li tinvesti mal-mitejn elf ewro oħra fl-impjant tagħha, liema investiment se jkun qed joħloq mal-15 –il impjieg ġdid. Qaltli wkoll kif il-kumpanija qed tistenna li fi żmien ħames snin oħra id-dħul tagħha jirdoppja għal 10 miljun ewro.

Iż-żjara li kien imiss kienet għand Magro Bros b’fabbrika ‘state of the art’. Fabbrika mużew fejn wieħed jista jżurha u tara l-packing ta’ prodotti tal-ikel artiġġjanali kollu jsir bl-idejn. 

Interessanti li John Magro qal li ġimagħtejn ilu bagħat kontejner il-Ġappun b’melħ li fih hemm taħlita ta’ ‘herbs’ li jista jintuża bħal stokk tal-brodu mingħajr ma jintuża xaħam fih. Wara li dorna dan il-ħanut tad-ditta Savina u l-parti ta’ Ħanini (fejn anke laqqgħana mal-baqra Ħanini), żorna l-fabbrika enormi b’makkinarju mill-aktar modern. 

Is-sur Magro qal ukoll li l-akbar suq għalih hu l-ajruport ta’ Malta. Is-sena li għaddiet il-kumpannija Magro Bros kellha turn over ta’ €25 miljun. Magro Brothers hu negozju ieħor tal-familja li matul is-snin irnexxielha tiżviluppa numru ta’ prodotti għal niche markets, u llum qed tipproduċi wkoll taħt ditti differenti bħal Savina u Ħanini. 

Cardona faħħar lill-familja Magro u qal li dan jixhed l-għaqal, l-inizjattiva u l-ispirtu qawwi ta’ imprenditorija tal-aħwa Magro, li rnexxielhom jorganizzaw struttura kompetittiva biex il-kumpannija taffronta l-ġejjieni. Min-naħa tiegħu John Magro ħa l-okkażjoni biex iħabbar li l-kumpannija kienet fetħet sussidjarja fl-Italja u anke pparteċipat b’suċċess ġewwa fiera tal-ikel fl-Italja fejn il-prodotti tagħha kienu mfaħħra mill-esperti preżenti.

L-aħħar fabbrika li żorna kienet il-kumpannija Merit Precision Tools. Kien ċertu  Murphy li tana merħba, il-Ġermaniż li fl-1965 kien fetaħ il-fabbrika Merit f’Malta u fit-tmeninijiet kien fetaħ il-fabbrika f’Għawdex fejn issa hi mmexxija min-neputi tiegħu, żagħżugħ bjond (nofsu Ġermaniż u nofsu Malti) li qal li matul l-2014 il-kumpannija se tkun qed tkabbar l-operat tagħha f’Għawdex wara li kienet allokata fabbrika li hemm ħdejn l-istess impjant. 

Il-kumpannija mistennija tinvesti miljun ewro f’makkinarju ġdid u żżid in-numru ta’ ħaddiema b’40%, biex minn 40 ħaddiem jitilgħu għal 56. Dan l-investiment kien possibbli wara li l-kumpanija b’suċċess irnexxielha tiffinalizza kuntratti ma’ kumpanniji kbar bħal Mercedes u FIAT.

Il-Ministru Cardona, li kien akkumpanjat miċ-ċermen tal-Malta Enterprise Mario Vella u mill-kap eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks Joshua Zammit, qal li din kienet l-ewwel minn serje ta’ żjarat li huma ppjanati li jsiru f’Għawdex. Dan bil-għan li l-Gvern jagħmel minn Għawdex mutur ekonomiku li joħloq ix-xogħol u l-ġid għall-Għawdxin. 

More in G?awdex