It-Teatru Astra – il-benniena ta’ Joseph Calleja

Kif naraw kull ġimgħa f’din is-sezzjoni tal-gazzetta, Għawdex hu djamant mogħni b’rikezzi f’kull rokna. Illum il-ġurnata qed naraw li Għawdex qed ukoll jilħaq il-milja tiegħu hekk kif qed jara żieda kontinwa fl-ammont ta’ turisti li jżuruh matul is-sena. 

It-Teatru Astra, il-mimmi t’għajnejn il-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella
It-Teatru Astra, il-mimmi t’għajnejn il-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella
Joseph Calleja beda l-karriera tiegħu waqt Macbeth
Joseph Calleja beda l-karriera tiegħu waqt Macbeth

Din il-ġimgħa dħalna fit-Teatru Astra, teatru li jinsab fi Triq ir-Repubblika, jew kif inhi tradizzjonalment magħrufa, Triq it-Tiġrija, fil-belt kapitali Għawdxija, ir-Rabat. Dan it-teatru jifforma parti minn organizzazzjoni mużikali ferm akbar, is-Soċjetà Filarmonika La Stella. Ġie inawgurat f’Jannar tal-1968 u matul dawn l-aħħar 46 sena tella’ diversi produzzjonijiet u għandu storja mill-isbaħ. Illum se nagħtu ħarsa ħafifa lejn dak li seħħ tul l-istorja tal-Astra. 

Tul dawn is-snin, it-teatru laqa’ fih artisti ta’ kalibru kbir, fosthom Raffaella Carrà, Goggi Sisters, Al Bano u Romina Power. Iżda dan it-teatru qatt ma ffoka biss li jkollu t-talent barrani, anzi kien minn ta’ quddiem sabiex iħeġġeġ, jippromwovi u jinkoraġixxi t-talent lokali. 

Bi kburija liema bħala t-Teatru Astra jiftaħar li t-tenur ċelebri Malti, Joseph Calleja, li bħalissa qed jikseb fama liema bħala mal-erbat irjieħ tad-dinja, beda l-karriera tiegħu propju f’dan il-bini, fl-opra Macbeth, fl-1997. Imbagħad reġa’ ħa sehem fl-2005 f’La Bohème u fl-2007 fi produzzjoni oħra ta’ Macbeth. 

Iżda Calleja ma kienx l-unika stilla Maltija li beda l-karriera tiegħu fl-Astra. Is-sopran Miriam Cauchi wkoll u ħadet sehem f’diversi opri, l-aktar waħda riċenti kienet Otello fl-2013.

It-Teatru Astra tella’ wkoll produzzjonijiet klassiċi u operetti għal dawk dilettanti ta’ din l-arti fosthom Geisha, Merry Widow u The Great Waltz. Diversi xogħlijiet letterarji kbar li jinkludu Shakespeare, Feydeau u Molière.

Fatti fil-qosor dwar it-Teatru Astra - Jesa’ 1,200 persuna Inawgurat fl-1968 - Ħa n-nar fl-2003 - Reġa’ nfetaħ fl-2005 - Kien il-post fejn Joseph Calleja beda l-karriera tiegħu f’Macbeth

Fl-1978 it-Teatru Astra għamel qabża kbira fil-kwalità tal-produzzjonijiet tiegħu, għaliex tella’ għall-ewwel darba l-ogħla produzzjoni teatrali: l-opra lirika. L-opra ta’ Giuseppe Verdi, Rigoletto, kienet l-ewwel waħda minn lista twila ta’ produzzjonijiet ta’ din ix-xorta. Imbagħad segwew Il Barbiere di Siviglia, Aida, Lucia di Lamermoor, L’Elisir d’Amore, La Traviata, La Forza del Destino, Il Trovatore, Macbeth, La Gioconda, Madama Butterfly, Un Ballo in Maschera, Otello, Tosca u La Bohème.

Iżda nhar it-8 ta’ Novembru 2003 l-istorja tat-teatru ħadet żvolta oħra. It-Teatru Astra sofra minn ħruq kbir li s’issa ħadd ma jaf x’kienet eżatt il-kawża tiegħu. Dan il-ħruq estensiv ġab fix-xejn il-palk, il-pitt tal-orkerstra u ħafna aċċessorji li kien hemm fuq palk peress li ftit jiem qabel kien hemm il-produzzjoni Otello ta’ Giuseppe Verdi. Anke xi karti tal-mużika spiċċaw inħarqu! Fortunatament f’dan l-inċident ma weġġa’ ħadd iżda l-bini kellu jieħu sura ġdida. Oriġinarjament it-teatru kien mibni fuq pjanta tal-Perit Joseph Micallef iżda d-disinn l-ġdid tħalla f’idejn l-espert Peter Howitt, li ta dehra klassika lit-Teatru Astra. Ix-xogħol ta’ restawr ħa inqas minn sentejn. Kienet għażla kuraġġuża li f’Ottubru li għadda t-tmexxija tat-teatru reġgħet għażlet li ttella’ Otello, sewwasew għaxar snin wara l-ġrajja sfortunata tal-ħruq.

Wara s-suċċess tal-opra La Bohème f’Ottubru 2005, li reġgħet inawgurat mill-ġdid it-Teatru Astra, ġiet kompluta t-tieni fażi ta’ restawr. Fis-sena 2006 fit-Teatru Astra ttellgħu tliet opri f’serata waħda – Suor Angelica, Cavalleria Rusticana u Pagliacci, bħala parti minn Festival Mediterranea.

It-Teatru Astra huwa mmexxi minn voluntiera. Ħadd minn dawk il-ħafna nies li huma involuti ma jitħallas tax-xogħol li jagħmel u li kieku ma jkunx għad-dedikazzjoni ta’ dawn in-nies ma jkunux jistgħu jsiru produzzjonijiet ta’ din ix-xorta. Ħafna teatri kummerċjali madwar id-dinja għandhom diffikultajiet finanzjari kbar u mhux eskluż li fis-snin li ġejjin xi wħud minnhom ikollhom jgħalqu. It-Teatru Astra, bl-għajnuna tal-voluntiera, diversi sponsors u l-gvern għadu jagħti servizz lil dawk kollha li jħobbu l-opra lirika jew kull forma ta’ attività teatrali. It-teatru jesa’ madwar 1,200 u huwa l-mimmi ta’ għajnejn il-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella li flimkien mal-Banda fi ħdanha, il-Banda La Stella, u l-festa ta’ San Ġorġ, jiffurma t-tliet pilastri ta’ ħidma tas-Soċjetà.

U l-ħidma bla heda għadha u tibqa’ għaddejja f’dan it-teatru fil-qalba tal-kapitali Għawdxija. Bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet għall-opra Nabucco ta’ Giuseppe Verdi li se tittella’ nhar il-Ħamis 23 t’Ottubru u s-Sibt 25 t’Ottubru 2014. Għal aktar dettalji dwar it-Teatru Astra u l-attivitajiet prinċipali tiegħu wieħed jista’ jidħol fuq is-siti elettroniċi www.mediterranea.com.mt jew www.lastella.com.mt.

More in G?awdex