Proġett li wassal għal ħafna investimenti infrastrutturali – Il-Ministru Refalo

 $1.24m għall-immaniġġjar tal-ilma f’Għawdex

Inbnew ħitan tas-sejjiegħ biex iżommu l-ilma tax-xita
Inbnew ħitan tas-sejjiegħ biex iżommu l-ilma tax-xita

L-ifflaxxjar tat-toilet jaħli l-aktar ilma fid-dar, aktar mix-showers u l-banjijiet. Meta tuża l-washing machine mimlija tiffranka madwar 13-il metru kubu ta’ ilma fis-sena. Nofs l-ilma li nużaw fid-dar (eżempju flushing tat-toilet), għal ħasil tal-art, għat-tisqija tal-pjanti m’hemmx għalfejn ikun ilma tajjeb għax-xorb. Għalhekk wieħed jista’ juża ilma maħmuġ għat-toilets li jgħin jnaqqas il-konsum tal-ilma fid-dar b’terz kuljum. Kunu afu li l-ilma tax-showers kuljum u l-ħasil tal-idejn f’dar medja hu biżżejjed għal flushing f’ġurnata waħda.

Jekk wieħed jieħu ħsieb jimaniġġja tajjeb l-użu tal-ilma jagħmel ġid lil butu kif ukoll lill-ambjent ta’ pajjiżu fl-imaniġġjar tal-ilma. L-Ingliżi jgħidu li ‘charity begins at home’ u dan hu li qed jagħmel il-gvern b’dan il-proġett imsejjaħ ‘Alter Aqua’, li qed jagħti eżempju kif jimaniġġja l-ilma hu stess. 

Il-ġbir tal-ilma tax-xita, l-immaniġġjar tal-ilma tal-maltemp u l-użu tal-ilma mhux nadif iżda trattat f’binjiet u żoni pubbliċi hu l-qofol tal-Programm Nazzjonali msejjaħ “Alter Aqua”. Din il-ġimgħa fil-fatt tnediet it-tieni fażi bħala parti mill-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Ilma fil-gżira Għawdxija. L-istess programm irċieva għotja ta’ $800,000 mill-Fondazzjoni Coca-Cola u ko-finanzjament ieħor ta’ $440,000 mill-Ministeru t’Għawdex biex tiżdied id-disponibbiltà tal-ilma permezz tal-ġbir tal-ilma tax-xita u l-użu ta’ ilma maħmuġ li jkun ġie trattat, u biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-użu responsabbli u l-konservazzjoni tal-ilma fil-gżira ta’ Għawdex.

Fl-ewwel fażi tal-proġett, f’Għawdex tlestew sistemi li jiġbru l-ilma tax-xita fi Skejjel tal-Gvern f’lokalitajiet differenti, ġiet installata sistema li titratta u terġa’ tuża l-ilma maħmuġ fil-Gozo Stadium u fil-Wied tal-Bajja tar-Ramla, fejn inbnew ukoll ħitan tas-sejjiegħ bħala parti mill-istess proġett, qed jinġabar l-ilma tal-maltemp bil-għan li jerġa’ jintuża għat-tisqija fl-għelieqi. 

Matul din il-fażi, il-programm iffoka fuq tliet pilastri ta’ azzjoni: xogħlijiet infrastrutturali biex jiġi applikati t-teknoloġiji tal-NCWR; l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet żgħar dwar importanza tal-użu responsabbli u sostenibbli tal-ilma fl-iskejjel; it-titjib tal-ħiliet u taħriġ għan-nies tekniċi u l-awtorità lokali, u tqajjim ta’ kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali.

Waqt konferenza stampa fejn ingħata rendikont ta’ x’intlaħaq s’issa, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li l-iżvilupp tal-proġett jidħol kexxun mal-viżjoni tal-Gvern biex Għawdex ikun gżira sostenibbli. Dan kompla żied il-kunfidenza ta’ investituri privati u b’hekk Għawdex seta’ jkollu l-fondi meħtieġa għal proġetti sostenibbli oħra. F’dan ir-rigward, il-Ministeru għal Għawdex implimenta u se jkompli attivitajiet immirati biex iżidu l-potenzjal biex jinġabar l-ilma tax-xita billi jitkompla x-xogħol fuq it-tindif tal-widien u l-bini jew restawr tal-bjar.

B’kollox ġew installati erba’ sistemi biex jinġabar l-ilma tax-xita fl-iskejjel ta’ Kerċem, is-Sannat, iż-Żebbuġ u l-Għarb; ġew irrestawrati sitt sistemi biex jinġabar l-ilma tax-xita fl-iskejjel tas-Sannat, ix-Xagħra, San Lawrenz u r-Razzett Sperimentali ta’ Għawdex, ġiet installata Sistema fil-Grawnd tal-Futbol t’Għawdex biex jiġi ttrattat u jerġa’ jintuża l-ilma maħmuġ, u nbniet sistema għall-immaniġġjar tal-ilma fil-maltemp fil-Wied tar-Ramla, fejn inbnew ħitan tas-sejjieħ biex iżommu l-ilma tax-xita ħalli jkun hemm iktar ilma għat-tisqija tal-agrikoltura u s-sostenibbiltà tal-ilma tal-pjan.

Il-ġurnal ILLUM tkellem mal-Ministru Refalo dwar dan il-programm. “Dan il-proġett qed ikompli jpoġġi lil Għawdex fuq il-mappa tal-gżejjer Mediterranji l-iktar li qed jaħdmu biex isolvu l-problema kbira tal-provista tal-ilma. Dan il-proġett wassal għal ħafna investimenti infrastrutturali bħal ġibjuni, iżda ffoka bil-qawwi wkoll fl-edukazzjoni tat-tfal biex jagħrfu minn età żgħira japprezzaw kemm hi importanti u rari din ir-riżorsa għall-gżira tagħna. Il-Ministeru għal Għawdex se jkompli bi proġetti biex inkomplu nżidu l-ħażna tal-ilma f’Għawdex.” Sadattant il-Partit Nazzjonalista qal li dan il-proġett inbeda fl-amministrazzjoni tiegħu. Dwar dan il-Ministru Refalo qal. “Jien m’iniex tat-timbri, imma tal-kontinwità. Fejn hemm tajjeb inkompluh u nippruvaw intejbuh, fejn hemm ħażin nirranġawh, noħolquhom. L-importanti biss li jkun ta’ ġid għal Għawdex kollu u mhux b’xi timbru ta’ xi kulur jew ieħor.

Tlabna kumment lil Perit Carmel Cacopardo tal-Alternattiva Demokratika li qalilna hekk dwar dan il-proġett. “Dan hu programm ta’ edukazzjoni u taħriġ li jifforma parti mill-proġett Eko-Għawdex li għandu l-iskop li iktar persuni jagħrfu l-obbligu li għandu kull wieħed u waħda minna li nħarsu r-riżorsi tal-ilma.

Iżda l-fatt innifsu li l-proġett Eko-Għawdex aċċetta kontribuzzjoni minn fondazzjoni assoċjata mal-użu fuq skala kbira tal-ilma (Coca Cola), inkluż l-ilma tal-pjan iwassal messaġġ negattiv. 

Nafu li l-ilma tal-pjan f’Malta, imma anke f’pajjiżi oħra, hu fi stat ta’ periklu. Kien ikun għaldaqstant ħafna aħjar kieku l-Coca Cola flok ma ppreżentat donazzjoni waqfet milli tieħu ilma tal-pjan għall-fabbrika tagħha f’Malta. F’gazzetta oħra ippubblikata f’Malta nhar it-Tlieta, uffiċjal tad-ditta li tipproduċi l-Coca Cola f’Malta kkonfermat li tieħu 40% tal-ilma li tuża mill-ilma tal-pjan u li dan tagħmlu bla ħlas. L-eżempju hu l-ikbar edukazzjoni.”

Tlabna wkoll kumment mingħand l-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex, Giovanna Debono iżda għalkemm ġejna mgħarrfa mis-Segretarju Ġenerali, Dr Chris Said li se nirċievu tweġiba fi żmien siegħa, din it-tweġiba ma waslet qatt, lanqas wara jumejn.

More in G?awdex