Restawr bil-għan li jiżdied it-turiżmu reliġjuż fil-gżira t’Għawdex

Il-Parroċċa tax-Xagħra tingħata l-fondi għar-restawr taz-zuntier wara erba’ snin titlob għalihom

Proġett li se jsebbaħ il-Pjazza tax-Xagħra
Proġett li se jsebbaħ il-Pjazza tax-Xagħra

“Il-Gvern qed u se jibqa’ impenjat li jaħdem ma’ entitajiet varji tal-Knisja biex jagħtihom appoġġ fil-ħidma li qegħdin iwettqu l-aktar fil-qasam soċjali,” qal dan il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, wara li ntlaħaq ftehim mal-Parroċċa tax- Xagħra ta’ għotja sostanzjali biex isir restawr fuq iz-zuntier. Il-Ministeru għal Għawdex ħa jkun qiegħed jiffinanzja l-materjal neċessarju għal dan il-proġett li jiswa madwar €106,000.

Il-Parroċċa tax-Xagħra kienet ilha titlob l-għajnuna biex ikun restawrat iz-zuntier tagħha li jinstab fi stat mhux daqstant tajjeb għal dawn l-aħħar erba’ snin. Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal- Ministeru għal Għawdex, Joyce Dimech, mill-Arċipriet tax- Xagħra Monsinjur Karm Refalo u l-amministratur tal-Kurja ta’ Għawdex Victor Gusman fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.

Dan il-proġett se jinkludi t-tibdil tal-pavimentar tal-konkrit li hemm illum permezz ta’ pavimentar bil-ġebla naturali. Se jsir il-kisi mill-ġdid tat-taraġ prinċipali bil-ġebla naturali, il-bini ta’ rampa ġdida biex ittejjeb l-aċċess għaz-zuntier flimkien ma’ bidla tas-sistema eżistenti tad-dawl għal sistema li taħdem bl-energy savers.

Dan il-proġett se jsebbaħ il-pjazza tar-raħal. Se jkun hemm permess ta’ żona ġdida li tkun riservata għall-mixi fiċ-ċentru tar-raħal, fejn ħa titjieb l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabbiltà u jitnaqqas l-konsum tal-enerġija. B’hekk se jiġu indirizzati l-għanijiet tal- viżjoni ta’ Eko Għawdex.

Il-Ministru għal Għawdex qal li proġett ieħor li se jsib l-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex fiż-żmien li ġej huwa s-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu. Dawn il-proġetti ta’ restawr se jkunu qed jgħinu biex jikber it-turiżmu reliġjuż lejn Għawdex.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex, Joyce Dimech u d-Direttur għal Eko-Għawdex, Anthony Zammit li fissru kif il-parroċċa se tibbenefika minn għotja ta’ €106,000. Din se tkopri l-ispejjeż tal-materjal li hu meħtieġ għal dan il-proġett. Huma sostnew kif permezz ta’ dan il-proġett, il-parroċċa tax-Xagħra se tgawdi minn restawr komplut taz-zuntier.

Fil-futur qarib, il-Ministeru għal Għawdex beħsiebu jiżviluppa heritage trail marbut mat-turiżmu reliġjuż. Dan ser jiffoka fuq l-aspett kulturali, artistiku, storiku u l-legat spiritwali tal-iżvilupp reliġjuż fil-gżira Għawdxija.

Il-Gvern għandu wkoll l-intenzjoni li permezz ta’ Heritage Malta, jirrestawra ċ-Ċirku ta’ Brocktorff u li jiftħu għall-pubbliku.

More in G?awdex