Il-Knisja f’Għawdex ġabret €120,000 għall-karità

Matul is-sena 2013, il-Knisja f’Għawdex ġabret iktar minn €128,362 għall-karità.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex
Id-Djoċesi ta’ Għawdex

Dan jirriżulta minn tagħrif li ġie ppubblikat fuq il-Bullettin tad-Djoċesi. Il-Kurja ta’ Għawdex qalet li din iċ-ċifra tirrifletti biss il-ġbir li sar fil-ħmistax-il parroċċa ta’ Għawdex, u mhux fil-knejjes l-oħra, inkluż dawk tar-reliġjużi. Dan jissarraf f’medja ta’ €8,557 kull parroċċa.
Il-ġbir prinċipali mar b’riżq id-Dar tal-Providenza f’Malta, kif ukoll għall-Fondazzjoni Arka li f’isem id-Djoċesi ta’ Għawdex tamministra dar ta’ residenza għall-persuni b’diżabbiltà. Ġabriet oħra annwali f’kull parroċċa f’Għawdex li jmorru għal skopijiet karitatevoli huma dawk ta’ Jum il-Karità, li fid-Djoċesi jiġi ċċelebrat ma’ Kristu Re; tal-Ġurnata Missjunarja f’Ottubru; ta’ Ħamis ix-Xirka għas-saċerdoti; tal-Obolo ta’ San Pietru; u l-Ġabra għas-Seminarju Djoċesan matul l-Eżerċizzi tar-Randan.
Ta’ min isemmi wkoll li minn dan il-ġbir igawdu entitajiet oħra bħal kongregazzjonijiet reliġjużi li spiss jiddipendu mill-providenza tal-poplu ta’ Alla, kif ukoll kampanji ta’ ġenerożità bħal Puttinu Cares u l-Maratona Oħloq Tbissima. Ma jonqsux ukoll ġabriet spontanji u oħrajn ipprogrammati b’riżq id-diversi missjunarji Għawdxin li kull tant żmien iżuru l-komunitajiet parrokkjali tagħna, mnejn isibu appoġġ kbir morali u finanzjarju.

More in G?awdex