Vjaġġ mal-Kaptan tal-Gozo Channel

Vjaġġ ma' Manwel Debattista, wieħed mill-Kaptani tal-vapuri tal-Gozo Channel.

Manwel Debattista, 33 sena, l-iżgħar kaptan mill-flotta tal-Gozo Channel
Manwel Debattista, 33 sena, l-iżgħar kaptan mill-flotta tal-Gozo Channel

Ħafna huma tal-fehma li meta ssemmi l-Gozo Channel tkun qed issemmi kumpanija falluta, kumpanija diżorganizzata u li tagħti servizz kif ġieb u laħaq lill-klijenti tagħha. Meta l-verità hi ferm u ferm differenti minn hekk. Għax din il-kumpanija tagħti servizz kontinwu u bla waqfien lill-Għawdxin u l-Maltin li jridu jaqsmu l-fliegu matul is-sena kollha, xemx jew xita. Għandha ħaddiema li jagħmlu ħafna xogħol li ma jidhirx li l-klijenti joħduh b’ovvju u għandhom ekwipaġġ ta’ kaptana u baħrin li xogħolhom jafuh sew, filwaqt li l-vapuri tal-Gozo Channel jingħataw manteniment kontinwu u jinżammu ferm tajjeb mill-kaptana u l-baħrin.

Hemm 12-il kaptan, kollha rġiel, mal-Gozo Channel, 3 minnhom Għawdxin


Dan kollu sirt nafu meta l-Kaptan Manwel Debattista minn ta’ Kerċem laqa’ l-istedina tiegħi li nitla’ fuq il-bridge biex nagħmillu intervista waqt vjaġġ bir-ritorn bejn Għawdex u Malta. Għażilt li mmur ningħaqad mal-kaptan Debattista fuq il-vjaġġ tat-8.15am mill-port tal-Imġarr u tad-9am miċ-Ċirkewwa għal Għawdex.
Manwel Debattista ta’ 33 sena hu l-iżgħar kaptan tal-flotta ta’ 12-il kaptan li għandha l-Gozo Channel u li huma kollha rġiel. Hu wkoll wieħed minn tliet Kaptani Għawdxin li għandha din il-flotta. Il-Kaptan Debattista issa ilu 8 snin kaptan u qabel laħaq għamel erba’ snin bħala Chief Officer mal-istess kumpanija.

Kull vjaġġ bir-ritorn il-vapur jaħli 450 litru fuel


Qalli li x-shift tiegħu kien beda fl-4am u jispiċċa f’nofsinhar. F’dan ix-shift hu jagħmel ħames vjaġġi li fihom jinħlew 2,300 litru diesel.
Tlabtu jgħidli kemm għandhom horse power il-magni fejn qalli li l-magni tal-vapur jaħdmu bl-elettriku li joħduh mill-erba’ ġeneraturi. “Aħna nħaddmu tlieta minnhom u ġeneratur minnhom inħalluh stand by għal li jista’ jinqala’.
Huma l-ħafna li jaħsbu li l-Kaptana ta’ Gozo Channel qatt ma jħaddmu l-erba’ magni biex jiffrankaw il-ħela u li jekk jagħmlu dan il-vjaġġ jieħu bin-nofs tal-25 minuta li jieħu. “Hi biss perċezzjoni” qalli l-Kaptan. “Naħdmu bi 3 ġeneraturi u jekk inħaddmu r-raba wieħed kulma jkun hemm differenza hu ta’ tliet minuti. U għal dawn it-tliet minuti jinħela ħafna aktar fuel u ħafna wear and tear għalxejn. Kultant vapur tarawh idum iżjed jew inqas minn oħrajn minħabba l-manuvra biex jittrakka u dan jiġri skont il-kaptan u anke l-baħar u mhux it-triq innifisha għax tant hi qasira li differenza hi minima għall-aħħar.”

Il-vapuri jkollhom 30 tunellata ta’ drenaġġ li jinġabru minn bawżers darbtejn fil-ġimgħa


Bħala persuna li nqisni bħala ambjentalista ma stajtx ma nistaqsihx il-mistoqsija importanti ta’ fejn imur il-ħmieġ kollu tal-vapur u jekk id-drenaġġ ma jmurx kollu fil-baħar. “Ma tarax” qalli bi tbissima l-kaptan żagħżugħ, “hu illegali li tarmi fil-baħar Mediterran. Darbtejn fil-ġimgħa jiġu l-bawżers li jbattlu d-drenaġġ kollu. Il-vapuri tagħna jiġġeneraw 30 tunellata ta’ drenaġġ fil-ġimgħa.”
X’inhu x-xogħol eżatt ta’ kaptan? “Il-General Manager tal-vapur. Id-deċiżjonijiet jittieħdu mingħandu. Iżda hemm nies oħra li kollha għandhom ix-xogħol tagħhom, bħaċ-Chief Officer li jieħu jew tieħu ħsieb il-manutenzjoni, il-parkeġġ fuq il-vapur u l-iskeda tal-ġurnata. Hemm l-inġiniera u l-baħrin li kollha għandhom ix-xogħol tagħhom. Jiddispjaċini nisma’ l-poplu u l-mezzi tax-xandir li jħarsu lejna, il-ħaddiema tal-Gozo Channel, b’mod negattiv. Ħadd ma jaf il-vera xogħol tagħna kollha. Ħadd ma jaf li l-baħrin jidħlu taħt ir-rampa u jagħtuha l-grease kull ġimgħa. Ħadd ma jagħti każ li fix-xita, ksieħ u l-maltemp il-baħrin xorta jridu joħorġu biex jorbtu l-vapur. Anke jekk jinqala xi inkwiet minn xi passiġġiera huma l-baħrin li jridu jieħdu ħsieb jikkalmaw u jikkontenu lil persuna, għax aħna hawnhekk m’għandniex awtorità li narrestaw persuna, u lanqas għandna post fejn inżommuh maqful inkella norbtuh. Jekk jinqala xi ħaġa rridu ninfurmaw il-pulizija biex x’ħin naslu jarrestaw lil persuna.  Sadattant huma l-baħrin li jridu jaraw kif jikkontenuh. Il-fatt li ħafna jaħsbu li aħna inferjuri minn kumpaniji navali oħra jweġġagħni. Il-baħrin kollha huma mħarrġin għal dak kollu li jista’ jinqala. U jien kburi li jien kaptan ta’ dan il-vapur.”

Bi 3 ġeneraturi u b’4 ġeneraturi d-differenza fil-ħin tal-vjaġġ tkun biss ta’ 3 minuti


Meta wasalna ċ-Ċirkewwa stajt nara minn fuq il-bridge il-mijiet ta’ turisti li kienu telgħin fuq il-vapur. Fil-fatt il-vapur tad-9 speċjalment fis-sajf jtella’ kważi l-massimu li jista’ jgħabbi, jiġifieri 900 persuna. “Dan dejjem jekk l-ekwipaġġ ikun ta’ 15-il membru. Għax meta jkunu 11-il membru tal-ekwipaġġ, il-massimu li nistgħu ntellgħu hu ta’ 500.”
Kompla qalli wkoll li l-vapur jista jgħabbi sa 82 vettura, 150 vettura bi xkaffa waħda mniżżla u 155 biż-żewġ xkafef imniżżla. Jekk ikun hemm trakkijiet kbar xkaffa ma tistax titniżżel. Fil-fatt il-Gaudos li m’għandux xkafef normalment jintuża għal inġenji kbar u dawk li jkollhom merkanzija perikoluża. “Hemm disa’ tipi ta’ merkanzija perikoluża u dawn iridu jibbukkjaw qabel u jitqassmu fuq il-vapur mill-baħrin li jafu eżatt id-dettalji ta’ kif għandhom jiġu pparkjati. Il-Gaudos hu attrezzat għal din it-tip ta’ tagħbija.” qalli l-Kaptan Debattista li kompla jgħid li kultant hemm min igerger li l-vapur ma jkunx nadif biżżejjed wara li jkun għadu kif ġarr 900 passiġġier. “Li ħadd ma jifhem hu li kif jasal il-vapur irid jgħabbi mill-ewwel u ma nafx kif umanament hu possibbli li tnaddaf dak kollu li jħallu 900 passiġġier fi ftit minuti.”

Jesa’ 82 vettura mingħajr xkafef, bi xkaffa waħda mniżżla 120 vettura u b’żewġ xkafef 155 vettura


Tkellimna wkoll dwar kemm jieħu ħin biex il-vapur ikun evakwat f’każ ta’ emerġenza u l-kaptan qalli li f’25 minuta bit-tip ta’ slides li għandu l-vapur, dan jitbattal, “U min jaħseb li aħna inferjuri għal vapuri oħra hu żbaljat, għax aħna preparati għal kollox.”
Iżda lil dan il-kaptan żagħżugħ hemm xi baħar li jdejqu? “L-ebda tip ta’ baħar ma jdejjaqni. L-ebda tip ta’ baħar ma jaffettwani.” Qalli li minn meta kien żgħir kien iħobb l-avventura u qabel kien ibaħħar fuq vapuri ta’ merkanzija iżda dejjem xtaq ikun kaptan tal-Gozo Channel u issa li rnexxielu ma jibdlu ma xejn. “Inti ħares minfejn qiegħed jien, tara dan il-ġmiel ta’ baħar u gżejjer kif tista’ qatt tiddejjaq taħdem minn hawn. Qas noħlom naħdem f’uffiċċju magħluq bejn erba’ ħitan.” U hawn nagħtih raġun.

Il-vapur Gaudos hu l-uniku vapur li hu attrezzat biex iġorr disa’ tipi ta’ merkanzija perikoluża


L-aħħar mistoqsija kienet dwar x’jiġri meta vapur ma jaħdimx. “Jiġri meta mill-Grigal idur Majjistru u l-baħar jibda ġej minn kull naħa u ma tkunx tista’ tidħol titrakka fl-ebda naħa. Anke Lbiċ qawwi jista’ jbati biex jidħol il-port tal-Imġarr għax il-baħar jitbaxxa ħafna fil-port. Iżda dan ma jiġrix ta’ spiss fortunatament. Dis-sena xi vjaġġ jew tnejn ħassarna biss.”
Dan l-aħħar fuq it-televiżjoni kien qed jingħad li l-vapuri tal-Gozo Channel għandhom life span li wara ċert snin iridu jitneħħew. Il-Kaptan qalli li l-vapur hu ħaj u jdum ħaj kemm tieħu ħsiebu. “Kull sentejn u nofs jittieħed id-Drydocks għal manutenzjoni, il-magni jingħataw servizz kull 600 siegħa u kulma għandu fih jista’ jinbidel bla diffikultà ta’ xejn. Jiġifieri li għandu life span ma naqbilx magħha. Jien kaptan tal-Malita u kull vapur għandu l-ekwipaġġ tiegħu u l-vapur għalina inqisuh tagħna u nieħdu ħsiebu ħafna,” temm jgħid il-Kaptan.

Kull 600 siegħa l-magni jingħataw servizz


Kif wasalna ċ-Ċirkewwa ndunajt li l-magni tħallew jaħdmu u hu qalli li dak il-ħin kien qed jaħli fuel daqs it-traġitt kollu u dan kien qed jagħmlu għax għalkemm il-baħar kien jidher kalm u żejt kellu mbatt qawwi minn taħt u biex iżommu stabbli ried iżommu hu bl-iskrejjen jaħdmu kollha, “dawn huma affarijiet li n-nies ma jindunawx bihom.”
Qabel tlaqt innutajt ukoll li vapur daqshekk kbir jaħdem b’joystick daqs naqra, “b’dan il-joystick indawwar l-iskrejjen fejn irrid jien u naqleb il-flaps skont il-bżonn.” Tbissimt, ħadtlu b’idu, sellimt lil baħrin u tlaqt lejn id-dar deċiż li żgur li qabel nibda ngerger mil-lum ’il quddiem nagħraf naħseb dak li vera jkun qed jinħema minn wara l-kwinti.

 

More in G?awdex