Il-Pixkerija tal-Belt qed taqa’ biċċiet

Binja storika ta’ wirt kulturali abbandunata hekk kif tender sabiex titranġa l-pixkerija baqa’ fl-arja 

 

Il-Pixkerija tal-Belt, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Malta Food Agency, illum qed taqa’ biċċiet. 

Fl-2023 ħarġet sejħa għall-proposti għar-riabilitazzjoni tal-Pixkerija. F’Mejju tal-2023, ħarġet konsultazzjoni preliminarja tas-suq fejn ingħata prijorità proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-akkwakultura u l-qasam tas-sajd. Aktar tard dik is-sena, ħareġ tender għar-riġenerazzjoni, immaniġġjar u operazzjoni tal-pixkerija tal-Belt bħala “akkomodazzjoni turistika ta’ kwalità superjura u amenitajiet t’ankrar.” 

Din il-konċessjoni ta’ 65 sena tinkludi bini ieħor ħdejn il-pixkerija fi Triq ix-Xatt il-Barrieri inkluż il-binja li qabel kienet sptar ta’ kwarantina. Din is-sejħa rċeviet żewġ offerti, inkluż waħda ta’ Carmelo Stivala Group Limited li kienet il-preferuta. Fl-2024, il-Malta Strategic Partnership Projects Limited, kumpanija tal-gvern li ppubblikat dan it-tender, saħqet li l-pixkerija hija mistennija li ddaħħal introjtu ta’ iżjed minn €60 miljun għall-gvern.  

It-tender qiegħed bħalissa taħt appell hekk kif min għamel l-offerta l-oħra – Bonnici Brothers – issottomettew oġġezzjoni fejn akkużaw il-kumpanija tal-gvern b’nuqqas ta’ trasparenza, avolja l-offerta ta’ Stivala Group kienet ħafna iżjed minn ta’ Bonnici Brothers. 

Sadanittant, ir-residenti tal-Belt qed ibatu hekk kif din il-binja storika mhux qed tintuża kif suppost. Il-grupp soċjali Residenti Beltin tkellmu fuq dan id-dnub fejn qalu li huma stess bagħtu numru ta’ proposti lil numru ta’ membri parlamentari matul is-snin. 

Il-proposti tagħhom jinkludu li l-pixkerija tintuża bħala spazju għal esebizzjoni t’arti pubblika għal artisti lokali b’veduta tal-Port il-Kbir fuq wara li jispikka minn spazji t’esebizzjonijiet oħra; li l-binja tintuża bħala xelter u post ta’ appoġġ għad-dgħajjes tal-pass, li jgħinu lil min jipprattika dan il-passatemp Malti sabiex iżommu din it-tradizzjoni ħajja; faċilitajiet ta’ kamra tal-banju għall-pubbliku; u integrazzjoni bejn aċċess għall-komunità, kif ukoll trasport pubbliku (inkluż is-servizz tad-dgħajjes). 

More in Socjali