Imwejjed u siġġijiet ikomplu jieklu mill-ispazju tal-bankini

Meta jitkellmu n-nies, l-għaqdiet, u anke l-ombudsman, x’għandu jsir sabiex nipproteġu l-ispazji fuq il-bankini?

Il-bankini Maltin ilhom jaffaċċjaw invażjoni għal ċertu żmien, u anke din is-sena qamu ħafna lmenti fuq dan minn ħafna msieħba soċjali. L-Ombudsman Parlamentari ħareġ studju fuq dan aktar kmieni f’Jannar, hekk kif kienu ħafna li semmgħu leħinhom fuq il-biċċa. 

L-ombudsman qal li kien hemm ħafna li affaċċjaw, kemm lilu, kif ukoll lill-Kummissarju għall-Anzjani fuq il-bżonn ta’ bankini aċċessibbli għal nies vulnerabbli bħall-anzjani, il-familji bit-tfal, u n-nies b’diżabbiltà f’postijiet pubbliċi. 

Hu qal li din mhijiex kwistjoni ta’ kif huma ddisinjati l-bankini imma kwistjoni ta’ stabbilimenti tal-ikel li jokkupaw dawn il-bankini, kif ukoll spazji pubbliċi oħra, kemm bl-awtorizzazzjoni, kif ukoll mingħajr, u f’xi każijiet anke b’mod abbużiv. B’referenza għall-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, hu għamel il-punt li spazji pubbliċi għandhom ikunu aċċessibbli mingħajr assistenza u siguri hekk kif bankini ostakolati jeskludu lil min juża s-siġġu tar-roti, walkers, bastuni, klieb ta’ gwida, jew għandhom xi nuqqas ta’ viżjoni. 

Hu spjega li jekk il-bankini huma ostakolati, nies li jkunu għaddejjin bil-mixi jkollhom jinżlu jimxu fit-triq, li appuntu hi xi ħaġa perikoluża. Għalhekk, hu kiteb fuq diversi liġijiet li jipproteġu l-bankini u rrakkomanda emenda għal kapitlu 552 fil-liġi sabiex temanċipa t-tneħħija sfurzata t’affarijiet irregolari.  

L-ombudsman għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet inkluż li l-Awtorità tal-Artijiet tippubblika l-konċessjonijiet kollha li ngħataw fuq art pubblika, li l-istess awtorità tistabbilixxi regolamenti ċari b’żoni mmarkati fuq art pubblika fejn jistgħu jitpoġġew siġġijiet u mwejjed, infurzar iżjed attiv mill-Awtorità tal-Ippjanar u tibdil regolatorji fid-Development Planning Act sabiex jitneħħew affarijiet irregolari.  

Din il-gazzetta kienet diġà rrappurtat fuq bankini invażati, partikolarment fil-Belt Valletta, u meta tkellimna mar-residenti u s-sidien ta’ ħwienet żgħar fil-Belt, qalu li jixtieq ikollhom bankini iżjed aċċessibbli. Min-naħa l-oħra, l-eks sindki rrikonoxxew il-ħtiġijiet tar-residenti u fakkru wkoll li dan huwa indikatur ta’ suċċess ekonomiku fenomenali għall-belt kapitali. 

Aktar kmieni din is-sena, fuq il-grupp ta’ Facebook ‘Għaqda Residenti Slimiżi’, kien hemm post minn mara residenti Tas-Sliema. Hi qalet li l-kabini minn fejn wieħed jista’ jixtri biljett għal xi mawra turistika qed jibqgħu jisirqu l-ispazju minn fuq il-bankini Slimiżi. Il-kummenti kienu eku ta’ dan is-sentiment b’residenta mħassba oħra li qalet li anke r-ristoranti tal-promenade tal-Istrand huma koroh u jirristrinġu l-bankini għan-nies. 

Kien hemm min tkellem ukoll fuq il-kiosks li suppost kollha jesponu l-permess. Ħafna residenti qalu li ilhom jitkellmu fuq din il-biċċa u anke kitbu lis-sindku imma qatt ma sar xejn. Fost ilmenti oħra li ilhom jiġu rrappurtati kien hemm waħda fuq ċerti bankini li ilhom fi stat tal-biża’ għal snin għal min jimxi fuqhom u f’periklu li wieħed jiżloq. 

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema kkummenta fuq il-bankina fejn qal li din se tittranġa meta joħorġu l-permessi neċessarji u li din il-bankina sofriet din il-ħsara riżultat ta’ karozzi li ma kellhomx biżżejjed spazju biex iduru fit-triq. 

Barra minn hekk, fuq l-istess grupp kien hemm ħafna residenti li tkellmu fuq in-nuqqas ta’ immaniġġjar ta’ skart, anke min-naħa ta’ residenti li jaqbdu u jarmu l-iskart tagħhom fit-triq, anke jekk ma jkunx ġo borża taż-żibel. 

Gruppi ambjentali u ta’ residenti wissew li l-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-bankini pubbliċi m’għandhomx jitqiesu bħala dritt, filwaqt li kkritikaw l-approċċ tal-gvern fil-ġestjoni tal-catering fuq barra fi spazji pubbliċi. 

F’dikjarazzjoni konġunta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Marsaskala Residents Network, Moviment Graffitti, Residenti Beltin, Residenti Melliħin u s-Sliema Residents Association qalu li l-ingaġġ ta’ kumpanija privata biex tfassal master plans għar-“riallokazzjoni” tal-imwejjed u s-siġġijiet jirriskja li “jinnormalizza suppożizzjoni aktar profonda u aktar inkwetanti li l-użu kummerċjali privat tal-ispazju pubbliku huwa dritt awtomatiku”. 

More in Socjali