Parteċipanti fil-konkors annwali ta’ trasformazzjoni organizzat mill-entità Bulletproof avviċinaw lil din il-gazzetta hekk kif il-konkors ġie kkanċellat ħabta u sabta.
Omar Rababah, student tal-liġi li applika għal din il-kompetizzjoni sabiex jingħaqad f’komunità ta’ nies li jridu jilħqu għan partikolari, tkellem ma’ din il-gazzetta dwar l-inġustizzja li affaċċjaw.
Hu qal li l-vjaġġ beda billi l-parteċipanti ħallsu €19.90 u ftiehmu li l-grupp, ikkordinat mill-entità Bulletproof, se jiltaqgħu fl-ewwel ġurnata, fid-90 ġurnata u fil-180 ġurnata mill-vjaġġ ta’ sena. Hu spjega li l-ewwel laqgħa saret il-villa tal-Madliena. Kien hemm eċitament fil-grupp ta’ fuq Whatsapp mill-parteċipanti u l-vjaġġ beda fuq nota pożittiva.
Rababah qal li dan kien l-unika ċaqliq li kien hemm fil-grupp, speċjalment min-naħa tal-organizzaturi. Skont il-parteċipanti, meta kien imiss għal-laqgħa li jmiss, huma kellhom ifakkru lill-organizzaturi li organizzaw xi ħaġa ta’ kafkaf mil-lum għall-għada u li rnexxielhom jgħaqqdu ammont ta’ nies sabiex jattendu imma xorta waħda l-laqgħa ġiet ikkanċellata.
Fl-ewwel ta’ din is-sena, xi ħadd mill-parteċipanti staqsa jekk kienx hemm xi aġġornamenti u saħansitra wieħed mill-organizzaturi qalilhom li ddeċidew li jikkanċellaw il-konkors hekk kif “il-livell tal-parteċipazzjoni ma kienx għoli biżżejjed sabiex il-konkors isir sura u b’mod ġust.” Fost il-parteċipanti urtati kien hemm min kiteb li huma stess kienu qed iġiegħlu lill-organizzaturi jipparteċipaw hekk kif fil-laqgħa tal-180 ġurnata l-organizzaturi qalu li kollox kien miexi sew.
Fil-messaġġ tiegħu wieħed mill-organizzaturi qal li l-livell ta’ parteċipazzjoni kien baxx iżjed minn kif stipulat fir-regoli. Madankollu, Rababah għarraf lil din il-gazzetta li dawn ir-regoli huma ma rawhom imkien. L-unika referenza għal xi termini u kundizzjonijiet kienu taħt post ta’ Facebook minn meta ġie mħabbar il- konkors fejn kien hemm miktub kif se jintgħażel ir-rebbieħ biss.
Rababah, flimkien ma’ grupp ta’ parteċipanti maħruqa oħra, tkellem ma’ Bulletproof anke bl-email, iżda l-entità baqgħet tenfasizza l-punt tagħha dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-parteċipanti. Fl-email, il-parteċipanti qalu li ma’ kien l-ebda qafas ta’ verifikazzjoni, hekk kif ma kienx hemm komunikazzjoni fuq il-biċċa tax-xogħol. Huma saħqu wkoll li mbilli tawhom il-pagament lura, ma jfissirx li kollox tranġa, hekk kif kien hemm “promozzjoni qarrieqa” kif ukoll ċerti parteċipanti li ħadu dan il-konkors bis-serjetà u b’dedikazzjoni kbira.
F’korrispondenza oħra mill-organizzaturi, huma saħqu li stennew sal-aħħar biex jaraw jekk il-parteċipazzjoni tiżdiedx, u din skonthom ma saritx. Huma talbu wkoll li din il-biċċa tibqa’ privata.
Il-parteċipanti għadhom qed jistennew tweġiba mingħand l-entità, u issa rrikorrew għall-Awtorità tal-Konsumatur (MCCAA) sabiex jieħdu dak li skonthom ħaqqhom.