Sandro Grech se jirċievi kura speċjalizzata fiċ-Ċina minflok f'Singapor
F'post fuq il-pjattaforma Facebook, martu rringrazzjat lill-poplu Malti għall-ġenerożita' tiegħu
More in Socjali
F'post fuq il-pjattaforma Facebook, martu rringrazzjat lill-poplu Malti għall-ġenerożita' tiegħu
Il-missier li ġabar €600,000 biex jieħu sehem fi prova medika biex jikkura l-forma rari tiegħu ta’ lewkimja se jirċievi din il-kura meħtieġa ġewwa ċ-Ċina minflok f'Singapor. Dan minħabba l-fatt illi t-trattament f'Singapor kien se jqum ammont ta' flus li jiżboq l-ammont mistenni.
Sandro Grech, ta’ 41 sena, huwa missier ta’ żewġt ibniet żgħar. Abigail Borg, martu, ħabbret f'post fuq il-pjattaforma Facebook nhar is-Sibt filgħodu illi żewġha se jittajjar lejn Beijing b’ambulanza tal-ajru l-ġimgħa d-dieħla, fejn se jirċievi kura.
Borg kompliet tispjega li l-pjanijiet sabiex żewġha jiġi kkurat fl-Isptar tal-Universita' Nazzjonali ta’ Singapor ġew abbandunati wara li l-ispejjeż tal-kura żdiedu ferm lil hinn mill-ammont mistenni ta' €500,000.
“Minkejja l-appoġġ kollu li rċevejna kemm mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, mid-Dipartiment tas-Servizzi Konsulari, u anke mill-konslu ta' Malta f’Singapor, iddeċidejna li din it-triq ma kinitx aktar realistika,” qalet Borg.
Bl-għajnuna tal-Acute Leukaemia Advocacy Network, il-familja setgħet tidentifika għażla alternattiva fiċ-Ċina, fejn Grech se jirċievi l-istess kura li kienet ippjanata f’Singapor.
Hija qalet li żewġha ħareġ mill-Isptar Mater Dei riċentament wara li ġie kkurat għal infezzjoni, u issa huwa f'saħħtu biżżejjed biex jivvjaġġa.
"Għal darb'oħra, f'isem Sandro u l-familja tagħna, nixtieq nirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa għall-crowdfunding. Grazzi wkoll lill-Prim Ministru, lill-Ministeru tas-Saħħa, lill-Komunita' Malta, u lil kull min talab għalina u għenna b'xi mod jew ieħor, talli qed tagħtu lil Sandro l-akbar ċans biex ifieq u jgawdi lill-uliedu," kompliet tgħid Borg.
F'Diċembru li għadda, kienet ġiet imnedija kampanja ta' ġbir ta' fondi biex tgħin lill-familja biex tkopri l-ispiża ta' din il-kura, bil-familja titlob €500,000.
Fi żmien jumejn, sat-13 ta’ Diċembru, il-mira ta’ €500,000 intlaħqet, wara li l-gvern ikkontribwixxa €250,000, u b’hekk żied mat-€350,000 miġbura mill-pubbliku.