Is-sitt snin ta’ tmexxija tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ġew deskritti bħala perjodu ta’ aktar ġustizzja soċjali, progress ekonomiku inklussiv u tisħiħ tal-valuri demokratiċi, f’ittra mibgħuta mill-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez fil-kapaċità tiegħu ta’ President ta’ Socialist International.
Fl-ittra ta’ tislima u awguri Sánchez innota kif taħt it-tmexxija ta’ Abela, Malta saħħet il-progress soċjali, ipproteġiet id-drittijiet tal-ħaddiema u mexxiet ’il quddiem politiki favur l-iżvilupp sostenibbli. Huwa rrimarka li f’perjodi ta’ sfidi kbar, it-tmexxija ta’ Abela wriet responsabbiltà, reżiljenza u viżjoni ċara għall-futur.
Socialist International irringrazzjat lill-Prim Ministru Malti għall-kontribut tiegħu u awguratlu aktar suċċess, filwaqt li enfasizzat li taħt it-tmexxija tiegħu, Malta kompliet tilgħab rwol attiv u kostruttiv kemm fuq livell Ewropew kif ukoll globali, billi tippromwovi prinċipji soċjal-demokratiċi u progressivi.
It-tmexxija ta’ Robert Abela ġiet ikkaratterizzata minn deċiżjonijiet li taw prijorità lill-familji u n-negozji, b’ekonomija deskritta bħala waħda dinamika u b’saħħitha li kapaċi tinvesti fil-poplu Malti u Għawdxi. Matul dawn is-snin, il-Gvern Laburista kompla jintroduċi benefiċċji soċjali ġodda, isaħħaħ l-appoġġ lil dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom il-pensjonanti u t-tfal, u jimplimenta żewġ tnaqqisiet kbar konsekuttivi fit-taxxa għall-ħaddiema.
Fost il-miżuri ekonomiċi msemmija hemm ukoll żidiet fil-pagi u fil-kundizzjonijiet ta’ madwar 33,000 ħaddiem tal-Gvern, kif ukoll skema ġdida li tissussidja sa 80% miż-żieda fil-pagi fil-privat. Barra minn hekk, il-Gvern kompla jappoġġja lill-first-time buyers permezz ta’ għotja ta’ €10,000 u t-twessigħ tal-iskema tal-Equity Sharing.
Il-politiki soċjali inkludew ukoll l-iskema New Hope, bidliet fil-liġijiet tal-IVF li wasslu biex Malta riesqa lejn il-milestone ta’ elf tarbija mwielda permezz tal-IVF, kif ukoll miżuri msaħħa favur persuni b’diżabilità.
B’ħarsa ’l quddiem, taħt it-tmexxija ta’ Abela, Malta qed timxi lejn l-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, pjan fit-tul li għandu l-għan li jibni prosperità sostenibbli u ġdida għall-familji Maltin u Għawdxin fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin.