Is-Servizz tal-Insolvenza u tar-Riċevitur fi ħdan ir-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta (MBR) ippubblika uffiċjalment il-Kodiċi ta’ Etika u Kondotta Professjonali għall-Prattikanti tal-Insolvenza, dokument li jiddefinixxi r-regoli u l-obbligi etiċi li għandhom josservaw dawk li joperaw f’dan il-qasam sensittiv.
Il-Kodiċi jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-kondotta professjonali bil-għan li jissalvagwardja d-dinjità tal-professjoni, jaġġornaha kontinwament u jiżgura li l-prattikanti jaġixxu b’mod responsabbli, trasparenti u kompetenti. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jtejjeb il-kwalità tas-servizzi offruti fil-proċeduri ta’ insolvenza, filwaqt li jipproteġi l-interessi kemm tal-kredituri kif ukoll tad-debituri.
Il-Kodiċi japplika għall-prattikanti tal-insolvenza awtorizzati u għandu l-iskop li jipprevjeni aġir abbużiv jew negliġenti, filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja pubblika fil-professjoni u fil-qafas legali li jirregolaha.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, qal li dan il-pass juri l-impenn tal-Gvern biex il-proċeduri ta’ insolvenza f’Malta jkunu mhux biss effettivi iżda wkoll miftuħa u responsabbli. Huwa sostna li b’dan il-Kodiċi, Malta qed tkompli tissaħħaħ bħala ġurisdizzjoni serja fejn ir-regoli huma ċari u l-interessi ta’ kulħadd jiġu mħarsa.
Min-naħa tagħha, ir-Riċevitur Uffiċjali u Kap tas-Servizz tal-Insolvenza u tar-Riċevitur, Dr Ingrid Hamilton, qalet li l-pubblikazzjoni tal-Kodiċi timmarka pass importanti fit-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-professjonaliżmu tas-sistema tal-insolvenza. Hija spjegat li dan jistabbilixxi standards uniformi u ċari li jiżguraw li l-prattikanti jwettqu dmirijiethom bl-ogħla livell ta’ kompetenza, responsabbiltà u indipendenza.
Intant, ir-Reġistratur u Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MBR, Dr Geraldine Spiteri Lucas, irreferiet ukoll għall-kors ta’ akkreditazzjoni tal-MBR għall-prattikanti tal-insolvenza, li jinsab fit-tieni terminu tiegħu. Hija qalet li dan il-kors komprensiv, żviluppat f’kollaborazzjoni ma’ akkademiċi ewlenin, isaħħaħ il-qafas tal-insolvenza ta’ Malta billi jipprovdi taħriġ legali u prattiku fil-fond, flimkien ma’ akkreditazzjoni formali taħt ir-reġim leġiżlattiv il-ġdid.
Il-Kodiċi ta’ Etika u Kondotta Professjonali għall-Prattikanti tal-Insolvenza huwa disponibbli kemm f’kopja stampata kif ukoll online, u mistenni jservi bħala pedament importanti biex titkompla tinbena sistema ta’ insolvenza ġusta, trasparenti u affidabbli f’Malta.