Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Voluntarjat ħabbar illi matul is-sena 2025, 48 għaqda volontarja bbenefika minn skema ta’ €800,000 bl-għan li jissaħħaħ il-voluntarjat fi ħdan il-komunita'.
Dan seħħ permezz ta' għajnuna mill-Iskema għall-Proġetti għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) għas-sena 2025, skema mħaddma mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.
Fost l-għaqdiet li bbenefikaw minn dawn il-fondi hemm ir-radju komunitarju Koppin, Radju Leonardo 105.2FM li wara kważi 20 sena ta’ xandir issa mexa għal post ieħor b'riżultat tal-ħidma volontarja tal-membri tal-Għaqda Mużikali San Leonardu, Ħal Kirkop, u għajnuna finanzjarja ta’ €20,000 mill-Iskema għall-Proġetti għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) għas-sena 2025.
L-inawgurazzjoni tal-post il-ġdid saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. Hija ddeskrivet il-proġett bħala prova oħra ta’ kemm l-għaqdiet volontarji huma strumentali fil-ħajja komunitarja ta’ kuljum u kif jolqtu kull qasam tal-ħajja.
Il-President tal-Għaqda Mużikali San Leonardu Louis Zammit, filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Farrugia għall-għajnuna finanzjarja mogħtija, spjega ħidmet l-istazzjon b’risq il-komunità Koppina. Spjega wkoll li r-riallokazzjoni tal-istazzjon kienet tfisser ukoll li ried isir kollox mill-ġdid f’dak li jirrigwarda infrastruttura biex issa l-istazzjon jista’ jkompli għaddej b’ħidmietu b’aktar faċilitajiet innovattivi u b’aktar kumdità.
Il-proġett kien jikkonsisti primarjament minn bini ta’ studio mgħammar bl-aċċessorji relevanti kollha, inkluż għamara kumplimentarja. Huwa temm jgħid li dak kollu li sar, apparti li jirrifletti sens qawwi ta’ volontarjat, se jkompli jinċentivahom għal aktar ħidma volontarja fi ħdan il-komunità Koppina.