Il-Kċina ta’ Marta, flimkien ma’ 220 voluntier mill-Uffiċċju tal-Volontarjat tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, wasslu 350 ikla f’Jum il-Milied lil persuni u familji fil-bżonn.
Għal ħafna benefiċjarji, il-voluntiera kienu l-uniċi persuni li żaruhom f’Jum il-Milied. Xi wħud qalu lill-voluntiera li dik kienet l-unika konversazzjoni li kellhom matul il-ġurnata, filwaqt li oħrajn tkellmu dwar diffikultajiet kontinwi marbuta mal-mard, is-solitudni jew tbatijiet finanzjarji.
L-inizjattiva laħqet 120 dar differenti, u kull kunsinna kienet tinkludi deżerta u rigal tal-Milied għat-tfal fid-dar. Il-voluntiera wasslu l-ikel direttament fid-djar tal-benefiċjarji, sabiex jiżguraw li dawk li ma setgħux jattendu għall-ikla tal-Milied organizzata fil-Kurja tal-Arċisqof minħabba problemi ta’ saħħa, mobilità jew sfidi oħra, ma jibqgħux mingħajr ikla.
L-organizzaturi qalu li din l-inizjattiva enfasizzat l-importanza tal-konnessjoni umana.
Il-voluntiera rrakkontaw diversi esperjenzi li messu l-qalb, fosthom li sabu benefiċjarji minkejja indirizzi żbaljati, identifikaw sitwazzjonijiet ta’ saħħa u żguraw li l-għajnuna tasal għand dawk fil-bżonn.
Il-Kċina ta’ Marta tifforma parti mill-Fondazzjoni Opri Soċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta (FOSAM) u topera grazzi għall-appoġġ tal-voluntiera u l-benefatturi. Is-servizz jipprovdi aktar minn 500 ikla kull ġimgħa lil persuni riferuti minn professjonisti fil-qasam tal-kura soċjali.
Il-Kċina ta’ Marta u l-Uffiċċju tal-Volontarjat tal-Arċidjoċesi ta’ Malta rringrazzjaw lill-voluntiera u lill-benefatturi kollha għall-appoġġ tagħhom.
Membri tal-pubbliku li jixtiequ jappoġġjaw il-ħidma ta’ Il-Kċina ta’ Marta jistgħu jagħmlu donazzjoni billi jagħfsu hawn.