Alex Borg jagħti messaġġ tal-Milied mibni fui rispett u solidarjetà

Fil-messaġġ tiegħu għal Jum il-Milied, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg appella għal politika ta’ rispett, soluzzjonijiet u għaqda nazzjonali, filwaqt li saħaq fuq il-bżonn li terġa’ tinbena l-fiduċja fost il-poplu Malti u Għawdxi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, f’messaġġ għall-Jum il-Milied, saħaq li jixtieq ikompli jibni tmexxija msejsa fuq valur wieħed fundamentali: ir-rispett.

Fid-diskors tiegħu, Borg enfasizza l-importanza tar-rispett lejn kulħadd – kemm fil-lingwa li tintuża, fid-dibattitu politiku kif ukoll fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Huwa appella biex tinbena kultura fejn, anke jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil, il-ħidma flimkien tibqa’ prijorità.

“Pajjiż żgħir bħal tagħna ma jiflaħx għall-firda,” qal Borg, filwaqt li sostna li Malta teħtieġ għaqda u sens ċar ta’ direzzjoni. Huwa żied jgħid li jemmen li l-politika għandha tkun dwar soluzzjonijiet konkreti, servizzi li jaħdmu u kwalità ta’ ħajja li tinħass fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Il-Kap tal-PN qal li l-politika għandha wkoll terġa’ tibni l-fiduċja, u li din tibda meta kulħadd iħoss li għandu post madwar l-istess mejda. Skont Borg, f’dawn l-ewwel xhur tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni tgħallem li meta tisma’ lin-nies b’umiltà, wieħed jinduna li hemm ħafna aktar li jgħaqqad lill-poplu milli jifirdu.

Huwa qal li l-Maltin u l-Għawdxin jaqsmu aspirazzjonijiet komuni, fosthom ix-xewqa għall-ġid komuni, li jitħalla pajjiż aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri u l-idea ta’ nazzjon wieħed taħt l-abjad u l-aħmar. Skont Borg, l-ispirtu ta’ għaqda huwa aktar qawwi fil-perjodu tal-Milied.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva l-Milied bħala aktar minn ċelebrazzjoni, iżda wkoll bħala mument ta’ riflessjoni dwar il-valuri li għandhom jiggwidaw il-pajjiż, fosthom il-valur tal-persuna, id-dinjità tal-familja u r-responsabbiltà li ma jitħalla ħadd jaqa’ lura.

Huwa tenna li jemmen f’politika li titkellem dwar Malta waħda, u mhux dwar firda bejn kuluri politiċi jew dwar min rebaħ u min tilef. “Malta hija dar waħda għalina lkoll,” qal Borg.

Waqt li fakkar f’dawk li huma waħedhom jew minsija, Borg qal li l-Milied ifakkarna li d-dawl tal-festi ma jidhirx biss fid-dekorazzjonijiet, iżda wkoll fil-ġesti żgħar ta’ għajnuna u solidarjetà.

Fl-aħħar nett, Alex Borg awgura Milied hieni mimli paċi u tama lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, filwaqt li stieden lil kulħadd iwassal l-ispirtu tal-Milied fid-djar, fil-komunitajiet u madwar il-pajjiż kollu

More in Socjali