Il-Flyover tal-Imsida: Minn got-taġen għal ġon-nar?

Wara l-inawgurazzjoni tal-Flyover il-ġdida tal-Imsida, il-gazzetta ILLUM tħares lejn dan il-proġett storiku b’lenti analitika 

(Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
(Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

 

Infetħet għall-karozzi l-Flyover tal-Imsida, parti mill-proġett tal-Imsida Creek, nhar l-Erbgħa proprju f’nofsillejl. M’hemmx konsensus fuq din il-flyover; min jgħid li qed tagħmel meravilji, u min qed jgħid li l-agħar proġett infrastruturali li qatt rat Malta. 

Il-Malta Records, l-organizzazzjoni responsabbli mill-għotja ta’ rekords nazzjonali, irrikonoxxiet dan il-proġett bħala “l-itwal flyover komposta minn 270 tunnellata fi struttura tal-ħadid u 2,040 tunnellata f’konkrit rinfurzat maħdum kompletament f’Malta, b’tul ta’ 136m, b’wisa’ ta’ 11.7m u li tlesta fi ħdax-il xahar,” b’enfasi li l-proġett kien maħdum kompletament f’Malta. 

Madankollu, mhux kulħadd faħħar dan il-proġett. F’kumment żgħir lill-gazzetta, is-Sindku tal-Imsida fakkar li l-kunsill kien ivvota kontra l-flyover u kien favur l-ispazji miftuħa. Hu ma elaborax fuq il-proġett innifsu hekk kif qal li l-flyover għadha mhux qed tiffunzjona kif suppost, imma għalaq billi qal li “Iż-żmien itina parir”. 

Il-Partit Nazzjonalista min-naħa l-oħra ma ddejjaqx ikun iżjed skjett fi kliemu. F’komunikat iddeskriva l-proġett bħala “mostrożità li turi l-falliment fl-ippjanar tal-Gvern ta’ Robert Abela”. Skont l-Oppożizzjoni, it-traffiku żdied mhux naqqas u kien hemm konġestjonijiet fi rħula oħrajn ukoll.  

Il-PN qal li l-gvern essenzjalment irrovina ċ-ċentru tal-Imsida bil-flyover ta’ karreġġjata waħda. Qal li l-inqas inċident se jwassal għal konġestjoni totali u tfixkil ta’ vetturi tal-emerġenza fi triqithom għall-Isptar Mater Dei. Huma ħadu spunt sabiex ifakkru li l-kunsill lokali tal-Imsida, li għandu maġġoranza Nazzjonalista, ilu tal-inqas sena jipprova jgħarraf il-gvern fuq dan imma “il-Ministru [Chris Bonett] żar il-post mingħajr ma lanqas biss avża lill-Kunsill Lokali.” 

Minkejja din l-istqarrija, huwa tajjeb li wieħed jinnota li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastrutura Bernard Grech ma kkummentax fuq din il-biċċa, lanqas biss iffirma l-istqarrija li ħarġet mingħand il-Partit. 

Wieħed mill-fundaturi tal-Partit Demokartiku t-Tabib Anthony Borg kien iżjed żorr bi kliemu. Hu qal li l-karreġġjata li tgħaddi għall-Isptar Mater Dei hija wisq żgħira għall-ambulanzi u żgur mhux forsi se twassal għal ħafna mwiet bla bżonn.  

Politiku ieħor li wkoll semma leħnu kien Arnold Cassola, li qabbel il-flyover mal-ħajt ta’ Berlin wera t-tħassib tiegħu għal kif se jgħaddu l-vetturi ta’ emerġenza, kemm ambulanzi, kif ukoll tal-pulizija minn karreġġjata waħda u erba’ u-turns. Barra minn hekk, Cassola enfasizza l-effett li se jkollha l-flyover fuq ir-residenti tal-Imsida li se jiġu wiċċ imb wiċċ mal-flyover meta jħarsu barra mit-tieqa. 

Tkellmet ma’ din il-gazzetta wkoll il-lettriċi fil-qasam tal-Ippjanar tat-Toroq u t-Trasport Thérèse Bajada. Minn lenti akkademika, hija qalet li dan il-proġett u oħra bħalu joħolqu segregazzjoni għan-nies vulnerabbli (pereżempju tfal, ġenituri b’pushchairs, anzjani u kwalunkwe persuna b’mobbiltà mnaqqsa), kif ukoll għal kull min juża modi ta’ trasport alternattiv. “Speċjalment jekk minflok biex taqsam tingħata prijorità lil dawn il-vetturi jinħolqu bridges biex tingħata prijorità lill-karozzi,” tenniet Bajada. 

Bajada qalet li din iż-żona hija waħda pedonali ta’ densità kbira speċjalment ħdejn il-Junior College li tirrikjedi konnettività għal mixi. “Il-prijorità għandha tkun is-sigurtà ta’ min juża mezzi alternattivi u li huma wkoll vulnerabbli.” 

Hi żiedet li f’żona bħal dik għandu jkun hemm post sigur b’tabelli fejn jaqsmu n-nies, miżuri li jikkalmaw it-traffiku, limiti ta’ veloċità u “pedestrian refuge islands”, voldieri bankina żgħira fit-triq fejn in-nies jistgħu jistennew sabiex jaqsmu. 

More in Socjali