Għal ħafna, il-Milied ifisser dawl, rigali, u mumenti mal-familja. Iżda fil-Ħabs ta’ Kordin, dan iż-żmien tas-sena jinħass b’mod differenti. Minkejja l-ħitan għoljin u r-restrizzjonijiet, grupp ta’ residenti jingħaqdu kull sena biex jagħtu xi ħaġa lura lill-komunità, permezz ta’ xogħol magħmul b’idejhom stess.
Din l-inizjattiva, li issa daħlet fit-tielet sena tagħha matul il-Milied, tara lir-residenti jippreparaw ħlewwiet tradizzjonali bħal Christmas logs, torta tal-lewż, Christmas cakes u mince pies, kollha ideali biex jingħataw bħala rigali. Barra minn hekk, qed isir ukoll xogħol ta’ tapestry, fosthom kalzetti tal-Milied u figuri ta’ Father Christmas, li jagħtu messaġġ personali u simboliku lil dawn il-ġranet.
F’kummenti li ta, Charles Bonnici spjega kif l-inizjattiva bdiet minn ideat li ħarġu mill-ħaddiema stess tal-ħabs, u kif matul is-snin kompliet tikber. “Mhux importanti li nżommu biss it-tradizzjoni ħajja, imma wkoll li ninvolvu lin-nies fix-xogħol,” qal Bonnici, filwaqt li fakkar li l-ħabs hu magħruf ukoll għal inizjattivi simili fi żmien l-Għid.
Hu saħaq li ż-żamma tat-tradizzjonijiet hi importanti ferm f’ambjent bħal dan. “Il-post hu dak li hu, u wieħed jista’ jimmaġina li mhux dejjem ikun hemm il-ferħ li nsibu barra. Imma meta nżommu t-tradizzjoni ħajja, ninvolvu lir-residenti u anke norganizzaw quddiesa tal-Milied, ngħinuhom iħossu l-ispirtu ta’ dawn il-jiem.”
Din l-inizjattiva, li issa daħlet fit-tielet sena tagħha matul il-Milied, tara lir-residenti jippreparaw ħlewwiet tradizzjonali bħal Christmas logs, torta tal-lewż, Christmas cakes u mince pies, kollha ideali biex jingħataw bħala rigali. Barra minn hekk, qed isir ukoll xogħol ta’ tapestry, fosthom kalzetti tal-Milied u figuri ta’ Father Christmas, li jagħtu messaġġ personali u simboliku lil dawn il-ġranet.
Il-Milied fil-ħabs mhuwiex bħall-Milied ta’ barra. Iżda l-amministrazzjoni tipprova, kemm jista’ jkun, iddaħħal lir-residenti fl-ispirtu ta’ dawn il-jiem. “Mhux biss biex jgħaddi ż-żmien,” qal Baldacchino, “imma biex iħossuhom parti minn xi ħaġa ikbar.”
Ix-xogħol innifsu għandu rwol kruċjali fir-riabilitazzjoni. Skont Baldacchino, ir-rutina, id-dixxiplina, u r-responsabbiltà li jiġu marbuta max-xogħol, jgħinu lir-residenti jimitaw il-ħajja ta’ barra. “Iridu jiġu fil-ħin, ikun hemm rispett u anke regoli dwar saħħa u sigurtà — bħalma jsibu meta joħorġu barra.”
L-impatt emozzjonali ta’ dan kollu huwa ċar. “Nibqa’ skantat meta narahom jipparteċipaw,” qal Baldacchino. “Tara d-differenza f’persuna li qabel kienet imdejqa u mbagħad issibha tqum kuljum b’xi ħaġa li tħares ’il quddiem għaliha. Mhux dwar il-flus, imma dwar ir-rutina, id-dinjità, u t-tama.”
Bejn il-ħitan tal-Ħabs ta’ Kordin, il-Milied forsi ma jiġix bil-mod li mdorrijin bih, imma jasal xorta waħda — permezz ta’ jdejn li jaħdmu, qalb li titgħallem terġa’ tittama, u xewqa li, anke minn post magħluq, tingħata xi ħaġa lura lill-komunità.