It-tfal ta’ Daisy Park jsebbħu l-Milied b’inizjattiva ta’ solidarjetà

It-tfal ta’ Daisy Park Childcare Centre ngħaqdu f’ġest ta’ ġenerożità dan il-Milied, wara li ħejjew kaxex mimlija affarijiet essenzjali biex jingħataw lil ommijiet u trabi fil-bżonn

Daisy Park Childcare Centre għamel pass ’il quddiem fil-ħidma soċjali tiegħu dan il-Milied, hekk kif it-tfal — li għandhom bejn sitt xhur u tliet snin — ingħaqdu flimkien biex jagħtu dawl u tama lil familji fil-bżonn. Din is-sena, il-kunċert tradizzjonali tal-Milied, dejjem mistenni mill-ġenituri u l-edukaturi, ġie msaħħaħ b’inizjattiva ta’ solidarjetà.

Ms Louisa, il-Kap ta’ Daisy Park Childcare, spjegat li riedet “tidderieġi l-ferħ tat-tfal lejn att ta’ ġenerożità li jgħinhom jifhmu l-valur tal-kompassjoni u tal-għoti, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena.” Hija rrimarkat li l-inizjattiva mhux biss tat valur lill-attività tal-Milied, iżda ħolqot ukoll mument edukattiv profond għat-tfal.

Fil-jiem ta’ qabel il-kunċert, kull tifel u tifla żebgħu kaxxa bil-marki ta’ jdejhom, imqiegħda biex jiffurmaw siġra tal-Milied — ġest ċkejken iżda mimli kreattività. Wara l-kunċert, il-ġenituri ngħaqdu mat-tfal biex iżejnu l-kaxex bi stikers u dekorazzjonijiet festivi, qabel poġġew ġewwa kull kaxxa il-ħtiġijiet miġbura apposta għal din l-inizjattiva.

Il-kontenut tal-kaxxa, ipprovdut minn Daisy Park, kien jinkludi muslin cloth, baby body wash, baby wet wipes, sapun u affarijiet oħra għall-omm, flimkien ma’ dekorazzjoni tal-Milied. Dawn se jaslu għand ommijiet u trabi li jistgħu jkunu qed jgħaddu minn perjodu diffiċli f’dan l-istaġun festiv.

“It-tfal ħadu gost immens,” qalet Ms Louis. “Kien sabiħ tara l-entużjażmu tagħhom hekk kif kienu qed jifhmu li l-kaxxa li kienu qed jagħmlu b’idejhom kienet se tgħin lil xi ħadd li għandu bżonn ftit imħabba żejda din is-sena.”

B’din l-inizjattiva sempliċi iżda mimlija tifsira, Daisy Park Childcare Centre wera kif anke l-iżgħar fostna jistgħu jkunu strument ta’ bidla pożittiva. Permezz tal-ferħ, il-kreattività u l-qalb safja tat-tfal, il-Milied inbidel f’lezzjoni ħajja ta’ solidarjetà u mħabba lejn il-proxxmu. Ġest li mhux biss wassal għajnuna konkreta lil familji fil-bżonn, iżda ħalla marka sabiħa fil-qalb tat-tfal u tal-komunità kollha.

More in Socjali