Aktar nisa minn irġiel fl-Università ta’ Malta

Iċ-ċifri juru li l-nisa issa jiffurmaw il-maġġoranza tal-istudenti full-time fl-Università ta’ Malta, f’sinjal ta’ bidla soċjali u kulturali fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja

 

Il-parteċipazzjoni ta’ nisa fl-edukazzjoni terzjarja tinsab fuq livell rekord, hekk kif 61.01% tal-istudenti full-time fl-Università ta’ Malta huma nisa — ħafna aktar mill-persentaġġ ta’ 38.84% ta’ studenti rġiel. Dan irriżulta minn risposta parlamentari tal-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima lil Chris Said. 

Iċ-ċifra turi bidla ċara fil-mentalità soċjali: l-edukazzjoni għolja mhix aktar meqjusa bħala dominju maskili, u li n-nisa qed jieħdu sehem dejjem aktar fit-tfassil tal-professjonijiet u tal-ħajja pubblika. Barra minn hekk, 0.15% tal-istudenti identifikaw ruħhom taħt il-kategorija “X”, indikazzjoni oħra ta’ università li qed issir aktar inklużiva u rappreżentattiva tad-diversità. 

Dawn iċ-ċifri jagħtu stampa ta’ università li qed tattira numru dejjem akbar ta’ nisa li jagħżlu li jkomplu jistudjaw u jfittxu kwalifiki terzjarji — fattur li jista’ jkollu impatt fuq il-forza tax-xogħol u fuq ir-rappreżentanza tan-nisa f’karrieri professjonali fis-snin li ġejjin. 

Għalkemm id-data ppubblikata ma tistax tintuża għal paragun dirett bejn il-fakultajiet, l-istampa ġenerali tibqa’ waħda konsistenti: aktar nisa qed jagħmlu l-pass lejn edukazzjoni ogħla u lejn karrieri professjonali li jirrikjedu kwalifiki universitarji. 

Dan huwa riflessjoni, mhux biss tal-għażliet individwali, iżda wkoll tal-bidliet soċjali globali li qed iħeġġu aktar nisa biex jisfruttaw opportunitajiet li għal snin twal kienu rari jew limitati. Huma jżidu li l-isfida li jmiss hi li l-parteċipazzjoni femminili għolja fl-università twassal għal rappreżentanza bilanċjata f’postijiet ta’ tmexxija u professjonijiet ta’ influwenza. 

 

More in Socjali