Il-Kunsill tal-Imsida ma kienx ikkonsultat fuq il-pont pedonali

Il-Kunsill Lokali tal-Imsida qal li hu ġie mgħarraf fuq il-pont pedonali li se jsir parti mill-proġett tal-Imsida Creek minn fuq Facebook wara li ħabbarha l-Ministru Chris Bonett

Il-kunsill lokali tal-Imsida ma kienx ikkonsultat dwar pont pedonali propost li għandu jiġi inkluż fil-proġett tal-Imsida Creek wara proposta mill-istudenti tal-Junior College.

Il-pont propost se jgħaqqad iż-żewġ waqfiet tal-karozzi tal-linja li jintużaw l-aktar mill-istudenti tal-Junior College. Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett ħabbar dan nhar il-Ħamis filgħaxija wara laqgħa ma’ rappreżentanti tal-istudenti.

Sadanittant, il-kunsill tal-Imsida qal nhar il-Ġimgħa li kien “ma kien jaf xejn dwar il-pont pedonali” sa wara lbieraħ filgħaxija meta ħabbarha l-Mministru.

“l-Kunsill ma jista' qatt jaċċetta li r-residenti ma jkunux ikkonsultati dwar żviluppi bħal dan li jitħabbru mil-lum għall-għada u kien jistenna li tal-anqas ikun infurmat dwar dan.,” qal il-kunsill f’statement fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

Il-kunsill ukoll talab laqgħa urġenti mal-Ministru tat-Trasport Chris Bonett “mill-aktar fis possibbli jkun diskuss dan l-iżvilupp”.

Il-pjan oriġinali għal Msida Creek kien jinkludi sensiela ta’ pontijiet pedonali biex jgħaqqdu partijiet differenti tal-pjazza kbira iżda dawn tneħħew biex isir il-pjan tal-lum. Il-proġett tal-Imsida Creek issa jinkludi pjazza kbira quddiem il-knisja, kanal tal-ilma u żoni ħodor tul ix-xtut tiegħu, u b’hekk ma jkunx hemm bżonn ta’ pontijiet pedonali. Il-proġett jinkludi wkoll flyover li għandu jiżgura traffiku aktar bla xkiel lejn u minn Valletta.

Madankollu, waqt laqgħa ma’ Bonett, il-Kunsill tal-Istudenti tal-Junior College ressaq proposta biex jiġi inkluż pont pedonali minflok il-pelican crossing eżistenti biex titħaffef il-moviment tal-istudenti li jużaw il-waqfiet imħaddma fuq Triq Marina.

F’reel fuq Facebook, Bonett qal li l-pont se jiġi integrat fil-proġett ta’ Msida Creek li jiswa miljuni ta’ ewro u li bħalissa qed ibiddel numru tat-toroq taż-żona. Il-konnessjoni bejn naħat Ta’ Xbiex u Pietà tal-Imsida reġgħet infetħet għat-traffiku fil-bidu ta’ Novembru, u l-flyover ewlieni huwa mistenni jinfetaħ qabel ma jintemm is-sena.

More in Socjali