Il-Gvern Gvern jiftaħ konsultazzjoni fuq strateġija aġġornata tal-AI

Abela jgħid li l-istrateġija se taħdem id f’id mal-Malta Vision 2050

Ritratt: DOI
Ritratt: DOI

Il-gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali aġġornata għall-intelliġenza artifiċjali (AI), strateġija li l-Prim Ministru Robert Abela qal li se timxi id f’id mal-Malta Vision 2050 u tħaddan kemm il-progress ekonomiku kif ukoll l-inklużjoni soċjali.

Waqt laqgħa tal-Kabinett organizzata waqt Techxpo fil-MFCC, Ta’ Qali, Abela sostna li l-miżuri l-ġodda fl-istrateġija għandhom l-għan li jorbtu s-settur tal-AI mhux biss mal-ekonomija, iżda wkoll mal-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Huwa fakkar li Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi fl-UE li nediet strateġija nazzjonali għall-AI seba’ snin ilu, u li saħansitra implimentat 80% tal-miżuri tagħha qabel il-konklużjoni prevista.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-AI għandha tkun għodda għan-nies kollha u li tidħol b’mod konkret fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa semma l-viżjoni “AI for all” li tħabbreth fil-Baġit, flimkien ma’ fond ta’ €100 miljun u miżuri oħra favur trasformazzjoni diġitali sal-2026.

Indirizzat lil professjonisti u mexxejja mis-setturi tal-ekonomija diġitali u l-AI, Abela qal li Malta trid issir “l-aktar pajjiż AI-friendly fl-Ewropa”. Sostna li l-AI mhijiex hemm biex tieħu l-impjiegi tan-nies, iżda biex ittejjeb ix-xogħol tagħhom u toħloq karrieri ta’ kwalità bi kundizzjonijiet aħjar.

Huwa żied jgħid li t-teknoloġija għandha tingħata n-naħa pożittiva tagħha, filwaqt li jiġu miżmuma l-valuri fundamentali tas-soċjetà. “Uliedna għandhom jibqgħu tfal bi spirtu kreattiv u ħieles. Aħna gvern progressiv li jemmen fil-potenzjal tat-teknoloġija u fl-opportunitajiet ugwali,” qal Abela.

Il-Prim Ministru sostna li Malta għandha bażi ekonomika b’saħħitha li tista’ tkompli tappoġġja n-niċeċ ġodda tal-ekonomija diġitali. Semma wkoll ir-riżultati tad-Digital Economy and Society Index (DESI), li juru li n-negozji f’Malta jużaw l-AI aktar mill-medja Ewropea.

Abela tenna li anke esperti internazzjonali, fosthom il-Fond Monetarju Internazzjonali, jaraw lil Malta f’pożizzjoni tajba biex tibbenefika mill-iżvilupp tal-AI. Skontu, it-teknoloġija toffri opportunità biex il-pajjiż ikompli jikber ekonomikament “b’inqas użu tal-art u mingħajr il-ħtieġa ta’ ħafna ħaddiema ġodda”.

“Konna u għadna mexjin lejn prosperità ġdida mibnija fuq potenzjal diġitali,” ikkonkluda.

More in Socjali