Strajk ieħor fl-Università?
Sorsi jgħidu lill-gazzetta li hemm ċans li letturi tal-Università se joħorġu fuq strajk
More in Socjali
Sorsi jgħidu lill-gazzetta li hemm ċans li letturi tal-Università se joħorġu fuq strajk
Sorsi viċin il-gazzetta ILLUM qalu li hemm ċans li l-letturi tal-Università se joħorġu fuq strajk.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-University of Malta Academic Staff Association ħarġet stqarrija fejn iddikjarat li bdew azzjonijiet industrijali kontra l-Università ta’ Malta hekk kif għadha ma semgħet xejn rigward il-pakkett finanzjarju fl-aħħar sena. L-UMASA qalet li jekk mhu se jisimgħu xejn rigward dan il-pakkett sa nhar it-Tnejn f’nofsinhar, se jibdew joħorġu d-direttivi.
Barra minn hekk, il-gazzetta hi infurmata li kien hemm laqgħa bejn l-MUT u letturi tal-Junior College li fiha ġew diskussi azzjonijiet industrijali li potenzjalment jistgħu jittieħdu.
L-MUT diġà ddikjarat aktar kmieni dan ix-xahar li bdiet tilwima industrijali, riżultat tal-ftehim kollettiv għal-letturi tal-Junior College li ilhom jistennewh sentejn. Fost il-kundizzjonijiet aħjar li l-letturi allegatament qed jitolbu huma leave fejn ma jkollhomx għalfejn ipattu għalih aktar tard u aktar flessibbiltà bl-online lessons f’każijiet estremi.
Sorsi tkellmu rigward l-aħħar darba li l-letturi tal-Junior College ħarġu fuq strajk fejn dakinhar, allegatament, ir-Rettur tal-Università kien maħruq fuq din il-biċċa u xorta waħda qata’ ġurnata paga lil-letturi li strajkjaw.