Il-Parlament Ewropew jaqbel li Membri ommijiet jivvutaw bi prokura

L-MEPs jivvotaw favur il-vot bi prokura għal nisa tqal u ommijiet ġodda fil-plenarja 

Il-Parlament Ewropew għamel pass storiku lejn modernizzazzjoni tal-proċessi tiegħu u t-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, billi approva proposta biex jiġu introdotti d-drittijiet ta’ proxy voting – vot f’isem membru ieħor – għal MEPs tqal u ommijiet f’xhur bikrin ta’ maternità. 

Il-miżura, li ġiet adottata waqt il-plenarja, il-ħamis, tipproponi li MEP tkun tista’ tiddedika l-vot tagħha lil kollega tliet xhur qabel id-data mistennija tat-twelid u sitt xhur wara t-twelid. Din ir-riforma mmirata għandha l-għan li tkompli tnaqqas l-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika Ewropea u tgħin f’bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. 

Il-proposta ġiet imfassla mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) u ġiet approvata. Ir-riżoluzzjoni marbuta kisbet 605 vot favur, 30 kontra u 5 astensjonijiet, indikazzjoni ċara tal-kunsens wiesa’ li hemm fil-Parlament dwar il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli elettorali Ewropej skont ir-realtajiet tas-seklu 21. 

“Ebda mara m’għandha tagħżel bejn il-voti tagħha u t-tqala” 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li kienet il-mutur ewlieni ta’ din ir-riforma, laqgħet il-pass bħala wieħed kruċjali: 

“Jien kburija bix-xogħol ta’ din id-dar fuq din il-proposta storika. L-ebda mara m’għandha qatt tħoss li trid tagħżel bejn is-servizz lejn il-votanti tagħha u li jkollha tfal.” 

Hija qalet li t-tama tagħha hi li l-Istati Membri jaqblu ma’ din il-bidla indispensabbli u jaġixxu malajr sabiex il-Parlament Ewropew isir iktar modern u inklużiv. 

Il-rapporteur Juan Fernando López Aguilar sostna li r-riforma mhux biss tipproteġi d-drittijiet tal-MEPs, iżda ssaħħaħ ir-rappreżentanza demokratika: 

“Ebda rappreżentant elett ma għandu jitpoġġa f’sitwazzjoni fejn irid jagħżel bejn il-vot tiegħu u t-tarbija tiegħu. Din il-miżura tiżgura li l-vuċi tal-eletturi tibqa’ tinstema’ anke fil-perjodu sensittiv ta’ qabel u wara t-twelid.” 

Il-proċess leġiżlattiv: il-pass li jmiss 

Il-pass li jmiss hu li l-proposta tintbagħat lill-Kunsill, fejn l-Istati Membri jridu jagħtu l-approvazzjoni tagħhom b’mod unanimu. Jekk il-Kunsill jagħmel tibdiliet, il-Parlament ikollu jerġa’ jivvota fuq il-verżjoni l-ġdida, li teħtieġ maġġoranza assoluta. 
Fl-aħħar stadju, il-liġi trid tiġi rratifikata skont il-proċeduri kostituzzjonali ta’ kull pajjiż tal-UE. 

Bħalissa, ħames Stati Membri biss għandhom provvedimenti simili fil-parlamenti nazzjonali tagħhom – fosthom Spanja, il-Greċja u l-Lussemburgu – li jippermettu votazzjoni assenti għal raġunijiet ta’ maternità. Bil-proposta l-ġdida, il-Parlament Ewropew qed jagħti eżempju u jistabbilixxi standard ġdid ta’ inklużività istituzzjonali. 

Ir-riforma hija parti minn impenn usa’ lejn ugwaljanza bejn il-ġeneri, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u parteċipazzjoni politika aktar rappreżentattiva. L-għan hu li l-ommijiet ma jibqgħux jiġu mwarrba b’mod indirett mill-proċessi politiċi minħabba responsabbiltajiet tal-kura, u li l-istituzzjonijiet Ewropej isiru aktar adattati għall-ħajja reali tal-membri tagħhom. 

Il-Parlament Ewropew qed jittama li din ir-riforma mhux biss tagħti eżempju lil parlamenti oħra fl-UE, iżda tpoġġi lill-Unjoni fuq quddiem nett fil-promozzjoni ta’ istituzzjonijiet moderni li jirrispettaw u jappoġġaw il-ġenituri. 

More in Socjali