Nirien kbar li ħakmu scrapyard fit-Triq Tal-Barrani, fil-limiti taż-Żejtun, nhar l-Erbgħa wara nofsinhar, ġew finalment mitfija wara operazzjoni intensiva li damet 16-il siegħa.
Il-Protezzjoni Ċivili, il-Ħamis filgħodu qalet li aktar minn 100 ħaddiem—97 pumpier u 12-il uffiċjal —ħadu sehem fl-intervent massiv biex jiġu kkontrollati u mitfija n-nirien.
F’kommunikat fuq il-paġna ta’ Facebook, il-CPD kkonfermat li “n-nar ġie b’suċċess mitfi”. Il-pumpiera użaw madwar 1.2 miljun litru ilma biex jirnexxielhom jikkontrollaw u jitfu l-fjammi.
Il-ħaddiema sabu għadd ta’ vetturi skreppjati maqbuda fuq xulxin, li għamlu t-tifi tan-nar aktar diffiċli u perikoluż.
Ic-CPD kien sfurzat joħroġ twissija lis-sidien ta’ djar fil-qrib biex jagħlqu t-twieqi tagħhom minħabba r-riskju għas-saħħa.
Għalkemm in-nirien ġew ikkontrollati lejn l-aħħar ta’ l-Erbgħa filgħaxija, il-pumpiera komplew jaħdmu matul il-lejl sabiex jiżguraw li ma jkunx fadal ebda fjammi attivi jew hot spots li setgħu jerġgħu jqabbdu n-nar.
Il-Protezzjoni Ċivili rringrazzjat diversi entitajiet oħra li taw l-appoġġ tagħhom waqt l-operazzjoni, fosthom il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, Transport Malta, il-voluntiera tal-CPD u diversi organizzazzjonijiet ta’ għajnuna u salvataġġ.