Karen Grech taħt il-lenti

L-Isptar Karen Grech ilu snin jiġbor ilmenti dwar kundizzjonijiet perikolużi u traskuraġni Issa, b’rapporti ta’ saqaf li qed jaqa’ il-mistoqsija hi waħda: meta ħa tittieħed azzjoni?  

Fil-qalba ta’ Tal-Pietà, l-Isptar Karen Grech ilu snin jitqies bħala ċentru kruċjali għall-kura tal-anzjani u pazjenti li jeħtieġu riabilitazzjoni fit-tul. Imma taħt il-wiċċ kwiet tal-faċilità medika, qed jikber tħassib dejjem akbar dwar l-istat tagħha — saqaf ikkundannat, ħitan imfarrkin u infrastruttura li tidher li ilha tistenna manutenzjoni serja għal snin sħaħ. 

L-MUMN: “Jekk taqa’ biċċa mis-saqaf, m’aħniex se nistennew sa ma jweġġa’ xi ħadd” 

Il-President tal-MUMN, Paul Pace tkellem ma’ din il-gazzetta u qal li wara l-istqarrija tagħhom fejn fost xi affarijiet tkellmu dwar il-kundizzjoni tal-Isptar Karen Grech, l-ebda azzjoni konkreta ma ttieħdet mill-awtoritajiet. Skontu, il-Ministru kien qal li hemm pjan “li ċ-ċentru jitneħħa għax se jwaqqgħu l-binja,” iżda sa issa l-ebda timeframe ma ġie indikat. 

“Aħna naqblu li rridu nimxu minn dan l-isptar jekk il-pjan hu li jwaqqgħuh,” qal il-President tal-MUMN. 

“Imma jekk m’għandniex idea meta, kif se nħallu kollox fl-istat li qiegħed? Jekk is-saqaf qiegħed f’din il-kundizzjoni li saħansitra tidher ix-xibka, dan ifisser li hemm il-periklu. F’dan l-isptar hemm pazjenti morda, ħaddiema, u familji li jżuruhom kuljum — nistennew sa ma jweġġa’ xi ħadd?” 

Pace żied jgħid li saħansitra waqgħet biċċa mis-saqaf li kważi laqtet nurse waqt ix-xogħol: 

“Għalxejn ngħidu li konna xxurtjati — illum ġiet tajba u għada jaf ma tiġix.”  

Problemi oħra f’Karen Grech: Ward ta’ adolexxenti bla kontroll 

Iżda l-problemi fl-Isptar Karen Grech mhumiex biss strutturali. Skont il-President tal-MUMN, hemm ward fejn jiġu kkurati adolexxenti, u s-sitwazzjoni hemmhekk qed issir dejjem aktar perikoluża. 

“Qed jidħol l-alkoħol u anke l-marijuana ġewwa l-isptar — xi pazjenti adolexxenti qed jaslu fis-sakra, oħrajn jaqbdu joħorġu meta jridu u jmorru lura f’nofs ta’ lejl,” qal. 

“In-nurses qed jibżgħu jitkellmu jew jikkonfrontawhom għax qed juru arroganza u aggressività.’ 

“Filwaqt li f’Mater Dei jew St Luke’s, każ ta’ harassment jiġi indirizzat immedjatament, f’Karen Grech kollox jitħalla jgħaddi. Jiena skantat kif dan l-isptar waqa’ lura daqshekk — u għaliex trid tidħol il-union biex jiġu solvuti affarijiet sempliċi bħal dawn,” kompla jgħid. 

X’qed nistennew? 

L-MUMN tinsisti li s-sitwazzjoni mhix waħda li tista’ tistenna. Jekk l-isptar hu verament skedat biex jitwaqqa’, għandu jkun hemm pjan ċar u kalendarju. Inkella, kull jum li jgħaddi mingħajr manutenzjoni jpoġġi f’riskju reali lill-pazjenti u lill-ħaddiema. 

Il-mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa dwar dawn il-kwistjonijiet — kemm fuq il-kundizzjoni strutturali, kif ukoll fuq il-problemi ta’ sigurtà tal-ħaddiema — għadhom bla tweġiba sal-ħin tal-pubblikazzjoni. Madankollu, ilbieraħ, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva bagħat stqarrija li fiha saħaq fuq l-impenn tiegħu li jiżgura s-sigurtà, id-dinjità, u l-benesseri tal-professjonisti kollha fl-Isptar Karen Grech. Il-Ministeru qal li l-Management qed jieħu b’serjetà massima t-tħassib tal-istaff, u li stieden lill-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) għal taħditiet bl-għan li tissolva s-sitwazzjoni b’mod kostruttiv, għalkemm il-union irrifjutat li tattendi. L-istqarrija ttemm billi tgħid li stedina oħra diġà ntbagħtet għal laqgħa oħra u li l-Ministeru jittama li l-union terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha u tidħol fi djalogu miftuħ. 

Il-mistoqsija tibqa’: min se jerfa’ r-responsabbiltà? 

Il-problemi fl-Isptar Karen Grech jiftħu dibattitu akbar dwar l-istat tal-faċilitajiet pubbliċi tal-kura fit-tul f’Malta, fejn bosta bini ilu jservi għal għexieren ta’ snin b’manutenzjoni minima. 

Il-pubbliku, il-pazjenti, u l-ħaddiema għandhom id-dritt għal ambjent sigur. Imma mingħajr azzjoni konkreta, il-mistoqsija tibqa’ waħda biss: se nistennew sakemm tiġri xi traġedja? 

 

More in Socjali