L-istudji veterinarji: Malta jew barra?

Żagħżugħa ggradwata fl-istudji veterinarji minn barra minn xtutna taqsam l-istorja tagħha

Is-sena l-oħra, 29 student applikaw għall-kors tal-istudji veterinarji offrut mill-MCAST, imma tmienja biss ġew aċċettati. Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Edukazzjoni xorta waħda baqa’ joffri l-boroż ta’ studju, magħrufa bħala Veterinary Studies Scholarships Scheme. Tant hu hekk li l-istudenti li jirbħu din il-borża ta’ studju, ikollhom għajnuna mill-Ministeru għall-Edukazzjoni li tkopri parti kbira mill-miżati tat-tagħlim u toffri wkoll stipendju sabiex jgħin fi spejjeż meħtieġa bħalal-kiri ta’ dormitorju, ix-xiri ta’ kotba, u affarijiet oħra. Waħda minn dawn l-istudenti li rebħet din il-borża hija Nicole Busuttil, li qasmet magħna l-istorja tagħha.

Nicole bdiet billi qalet li hi minn dejjem xtaqet issir veterinarja, hekk kif minn dejjem kellha mħabba lejn l-annimali u minn età żgħira trabbiet f’ambjent ta’ kompassjoni lejn kull tip ta’ annimal. Hi kompliet billi qalet li avolja minn dejjem kellha din il-ħeġġa lejn l-annimali, din il-linja ta’ studju mhijiex waħda li faċli taqbad hekk kif hawn nuqqas ta’ konoxxenza fuqha f’Malta.

“Għal din ir-raġuni kelli nfittex lil hinn minn xtutna sabiex insib università li toffri dan il-kors,” qalet Nicole hekk kif hi bdiet l-istudji tagħha qabel ma dan il-kors ġie introdott Malta. Nicole ggradwat mill-University of Veterinary Medicine and Pharmacy f’Kosiče, fl-Islovakkja bis-saħħa ta’ din il-borża ta’ studju, fejn hi qalet li kienet milqugħa b’par idejn miftuħa.

Hi spjegat il-proċess ta’ kif għażlet f’liem università ħa tistudja, fejn kellha tfittex qalb lista ta’ universitajiet akkreditati mill-European Association Establishments for Veterinary Education skont id-direttiva tal-UE 2005/36/ES. Kienet hemmhekk li Nicole sabet l-Università ta’ Kosiče. L-Università għenitha tagħmel kuntatt ma’ żewġ studenti Maltin li kienu qegħdin jistudjaw fl-istess Università, li qasmu magħha l-esperjenzi tagħhom li iżjed ħeġġiġha tapplika għal din l-Università.

Madankollu, hi qalet li kieku dan il-kors ġie introdott f’Malta qabel hi kellha tagħżel li tmur barra għall-istudji tagħha, hi kienet tagħżel li tibqa’ Malta. Nicole tenniet li l-firda minn mal-familja u l-ħbieb kienet l-ikbar ostaklu fil-vjaġġ tagħha, u mnalla għamlet konnessjonijiet ġodda fl-Islovakkja għax għenuha tagħmel kuraġġ sabiex tilħaq ix-xewqa tagħha.

Il-mira ta’ Nicole minn dejjem kienet li tirritorna lura lejn Malta wara li tiggradwa. “Dan minħabba ħafna raġunijiet imma l-iktar għaliex Malta għandha komunità kbira ta’ nies li jħobbu l-animali, u hawn ħtieġa kbira għal veterinarji dedikati,” hi qasmet. Dan ma jfissirx li hi qed teskludi li tmur barra minn Malta għal xi opportunità ta’ tagħlim jew taħriġ li jista’ jservi ta’ aġġornament għall-ħiliet u għerf tagħha għall-pazjenti tagħha.

Hi għamlet paragun bejn l-esperjenza tagħha bħala studenta b’Malta u studenta f’Kosiče, fejn qalet li t-tnejn għandhom aspetti uniċi li ma sabitx fil-banda l-oħra.

“L-Università kienet tiffoka l-aktar fuq studju ta’ annimali. B’hekk ġewwa l-Università stess hemm klinika taż-żwiemel, klinika tal-bovini u l-ovini,  oħra ta’ annimali eżotiċi, u sptar tal-klieb u l-qtates. Apparti dawn il-kliniki, l-Università kellha wkoll razzett bil-baqar ġewwa raħal viċin tal-belt, fejn bħala studenti tgħallimna kif jaħdem razzett tal-produzzjoni tal-ħalib, u konna wkoll esposti għax-xogħol ta’ veterinarju f’dan il-qasam b’mod regolari. L-Università stess kellha wkoll diversi għaqdiet differenti li joffru l-opportunità lill-istudenti biex isiru membri magħhom sabiex joffru l-għajnuna tagħhom b’mod volontarju, kif ukoll iżidu l-esperjenza fil-qasam. Dawn l-għaqdiet kienu diversi u fosthom kien hemm ‘falconry club’, ‘rabbit club’, ‘cynology club’ u bosta aktar.”

Minbarra l-għerf veterinarju, Nicole taqsam ukoll l-esperjenza tagħha fl-istudji tagħha barra minn xtutna sabiex tħeġġeġ iżjed studenti jistudjaw barra. Hi stess sabet ħafna appoġġ matul is-snin u tixtieq li tgħaddi dan l-appoġġ u l-opportunità lil studenti oħra.

Nicole għalqet b’messaġġ ta’ kuraġġ għal kull student li qed jaspira jistudja barra minn Malta. “L-istudju barra minn Malta huwa esperjenza li mhu ha ninsa qatt. Lili għenni niżviluppa, mhux biss il-karriera tiegħi, iżda wkoll il-karattru tiegħi sabiex inkun soda aktar f’wiċċ il-kritika, indipendenti, u nżomm soda mal-valuri li nemmen fihom.”

 

More in Socjali