Id-dħul mit-taxxi żdied b’€1,179.0 miljun fl-2024

Fl-2024, id-dħul mit-taxxi laħaq rekord ta’ €6.77 biljun — żieda ta’ kważi €1.2 biljun fuq is-sena ta’ qabel — b’piż tat-taxxa daqs 29.3% tal-PDG, l-ogħla livell f’dawn l-aħħar snin

Fl-2024, id-dħul sħiħ mit-taxxi kien ta’ €6,769.9 miljun, li juri piż tat-taxxi daqs 29.3 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.

Id-dħul mit-taxxi żdied b’€1,179.0 miljun fuq is-sena ta’ qabel biex laħaq bʼkollox €6,769.9 miljun. Din iċ-ċifra tirrappreżenta 86.4 fil-mija tad-dħul kollu tal-gvern ġenerali miġbur fl-2024.

Il-kategoriji ewlenin kollha tad-dħul mit-taxxi rreġistraw tkabbir, bit-taxxi diretti jibqgħu l-akbar komponent, segwiti minn taxxi indiretti u l-kontribuzzjonijiet soċjali (il-Bolla).

It-taxxi diretti ammontaw għal €3,457.5 miljun, li jagħmlu 51.1 fil-mija tad-dħul kollu mit-taxxi. Dan wera żieda ta’ €908.6 miljuni meta mqabbel mas-sena taʼ qabel. Il-komponent primarju f’din il-kategorija tibqa’ t-Taxxa fuq id-Dħul Individwali, li żdiedet b’€238.1 miljun u laħqet l-€1,770.7 miljun, filwaqt li t-Taxxa fuq il-Profitti tal-Kumpaniji żdiedet b’€588.6 miljun u laħqet l-€1,424.7 miljun.

It-taxxi indiretti, li ammontaw għal €2,139.9 miljun, kellhom żieda ta’ €166.1 miljun meta mqabblin mal-2023. Dan huwa daqs 31.6 fil-mija tad-dħul kollu mit-taxxa. F’din il-kategorija, it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud kienet ta’ €1,401.2 miljun, li b’hekk uriet żieda ta’ €132.4 miljun fuq is-sena ta’ qabel. Barra minn hekk, it-Taxxi fuq il-Prodotti ammontaw għal €594.2 miljun, li b’hekk urew żieda ta’ €31.9 miljun meta mqabblin mal-2023. Din iż-żieda kienet ġejja l-aktar minn dħul ogħla mit-taxxa ġġenerat mid-Dazju fuq id-Dokumenti u t-Taxxi fuq il-Logħob. Taxxi oħra fuq il-produzzjoni żdiedu bʼ€4.1 miljuni biex laħqu l-€117.9-il miljun fl-2024.

Il-kontribuzzjonijiet soċjali (il-Bolla) mħallsin mill-ħaddiema, minn min iħaddem, kif ukoll minn dawk li jaħdmu għal rashom u persuni mhux impjegati, ammontaw għal 17.3 fil-mija tad-dħul kollu mit-taxxa fl-2024, u ammontaw għal €1,172.5 miljun. Dan wera żieda ta’ €104.4 miljuni meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Il-piż globali tat-taxxi jirrappreżenta l-ammont kollu ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali (il-Bolla), murijin bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). Fl-2024, il-piż kollu tat-taxxi ta’ Malta kien ta’ 29.3 fil-mija, żieda taʼ 2.6 punti perċentwali fuq is-26.7 fil-mija li kien irrappurtat fl-2023. 

Iċ-ċifri juru piż medju tat-taxxa ta’ madwar 30.3 fil-mija għall-perjodu bejn l-1995 u l-2024. Dan jimplika li l-andament fil-ġbir tat-taxxa kien relattivament konsistenti matul dawn is-snin, b’varjazzjonijiet madwar din il-medja, inklużi valuri li jvarjaw minn livell baxx ta’ 25.5 fil-mija sa 34.0 fil-mija.

Sal-aħħar tal-2024, it-taxxi diretti (li jinkludu t-Taxxi Kapitali) kienu jagħmlu 15.0 fil-mija tal-PDG, żieda ta’ 2.8 punti perċentwali meta mqabblin mal-2023. It-taxxi indiretti rrappreżentaw 9.3 fil-mija tal-PDG, filwaqt li sehem il-kontribuzzjonijiet soċjali (il-Bolla) kien ta’ 5.1 fil-mija tal-PDG.

It-Taxxa fuq id-Dħul bil-qasam istituzzjonali tal-ESA 2010

Fl-2024, il-qasam tal-Unitajiet domestiċi (Households) ikkontribwixxa aktar minn nofs it-Taxxa fuq id-Dħul miġbura mill-Gvern Ġenerali, li ammontat għal 55.4 fil-mija tat-total, li huwa daqs €1,775.2 miljun, Il-kontribuzzjonijiet mill-Korporazzjonijiet Mhux Finanzjarji u mill-Korporazzjonijiet Finanzjarji ammontaw għal 22.6 fil-mija u 21.7 fil-mija, rispettivament. L-oqsma tal-Istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jservu lill-Unitajiet domestiċi, il-Gvern Ġenerali, u l-Bqija tad-dinja, flimkien ammontaw għal 0.4 fil-mija.

F’termini assoluti, id-dħul mit-taxxa tad-dħul żdied bi €829.4 miljun fuq l-2023. Dan kien ġej l-aktar minn dħul akbar mill-Korporazzjonijiet Finanzjarji (€302.6 miljuni) u mill-Korporazzjonijiet Mhux Finanzjarji (€279.5 miljun). It-Taxxa fuq id-Dħul imħallsa mill-Unitajiet domestiċi telgħet b’€238.9 miljun matul is-sena li għaddiet.

It-Taxxi tal-Ambjent

Fl-2024, id-dħul kollu mit-taxxi ambjentali tela’ b’miljun biex laħaq it-€312.5-il miljun. Din iċ-ċifra tirrappreżenta 4.6 fil-mija tad-dħul kollu miġbur mit-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali (il-Bolla), kif ukoll 1.4 fil-mija tal-PDG. 

It-taxxi fuq l-enerġija (li jinkludu taxxi fuq il-fjuwils tat-trasport) kienu jagħmlu l-akbar sehem mit-taxxi ambjentali, li żdiedu bʼ€5.0 miljuni, l-aktar minħabba dħul akbar mill-permessi ta’ skemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (€4.5 miljuni). 

Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis fid-dħul iġġenerat mit-Taxxi fuq it-Trasport.

 

More in Socjali